L-Għid it-Tajjeb!

02. 04. 2018
Il-Ġimgħa Mqaddsa
26. 03. 2018
L-Aurora Folk Group għal-Latvja
11. 04. 2018
 

Is-Soċjetà Filarmonika Leone tawgura lill-Bandisti, Soċji u Partitarji kollha Għid ħieni, b’paċi u ferħ sinċier fil-qalb.

Tul il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, is-Soċjetà Filarmonika Leone pparteċipat b’mod sħiħ fil-funzjonijiet u attivitajiet organizzati mill-Parroċċa tal-Katidral. Flimkien mal-Kumitat Ċentrali, bosta parruċjani laqgħu l-istedina tal-Arċipriet Mons Joseph Sultana sabiex ningħaqdu flimkien bħala komunità fil-Funzjoni tat-Tridu tal-Għid, tul il-jiem ta’ Ħamis ix-Xirka, Ġimgħa l-Kbira u l-Vġili tal-Għid. Wieħed seta jirrikonoxxi li l-funzjonijiet kienu organizzati f’ambitu spiritwali u sabiħ, bi presenza verament sabiħa ta’ bosta parruċjani ġewwa l-Katidral.


Fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka, ġew organizzati s-7 Visti għaż-żgħażagħ madwar diversi knejjes f’Għawdex. Grupp sabiħ ta’ żgħażagħ ingħaqdu wara l-ewwel parti tal-Funzjoni tat-Tridu tal-Għidu ġewwa l-Każin tal-Banda Leone, fejn permezz ta’ trasport, żaru l-Knejjes fil-punent t’Għawdex: Knisja Parrokjali ta’ Santa Marija Assunta fiż-Żebbuġ, Knisja Parrokjali ta’ Ġesù Salvatur fl-Għasri, Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Bażilika tal-Viżitazzjoni fl-Għarb, Knisja ta’ Santa Luċija u l-Knisja Parrokjali tal-Madonna tas-Sokkors f’Kerċem. L-aħħar vista kienet quddiem l-Artal tar-Repożizzjoni ġewwa l-Katidral t’Għawdex flimkien mal-Arċipriet Sultana.


Ilbieraħ, Ħadd il-Għid, il-Banda Ċittadina Leone ngħaqdet mal-Parroċċa tal-Katidral fid-Dimostrazzjoni tal-Irxoxt madwar it-toroq tal-Belt Victoria. Tul din id-dimostrazzjoni, il-Banda esegwiet sett Valzi tal-Għid li niżlu għasel mal-bosta persuni li kienu qed jsegwu tul it-toroq u fi Pjazza Indipendenza. Kien ħin partikolarment sabiħ li fih is-Soċjetà setgħet tagħti l-awguri tal-Għid lill-parruċjani u dawk kollha li ngħaqdu magħna tul l-għodwa ta’ Ħadd il-Għid.

 


Wara l-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, is-Soċjetà Filarmonika Leone tħares ‘l quddiem għall-jiem li ġejjin, li huma kkaratterizzati minn preparamenti għall-attivitajiet li jmiss. Filwaqt li nġeddu l-awgurju tal-Għid, inħeġġukom tibqgħu ssegwu dan is-sit u s-siti soċjali l-oħrajn għal aktar dettalji li se joħorġu aktar ‘l quddem.