Grupp ta’ ħamsa u tletin persuna, magħmul minn żeffiena u orkestra b’ilbies tradizzjonali Malti, qiegħed jipprepara sabiex jingħaqad ma’ 45,000 parteċipant minn madwar il-Latvja, fis-sitta u għoxrin festival tal-kanzunetta u is-sittax -il festival taż-żfin tal-Latvja. Dan il-grupp għandu jitlaq minn Malta fl-1 ta’ Lulju 2018, u jirritorna lura minn Riga fil-Latvja fit-8 ta’ Lulju 2018.
Il-Festival li fih se jipparteċipa l-Aurora Folk Group jittella’ kull ħames snin, fejn sa mill-1873, kien ikun avveniment li jinvolvi eluf ta’ parteċipanti minn madwar il-pajjiż kollu. F’din is-sena dan il-festival qed jiġi meqjus bħala l-akbar Folk Festival li qatt sar fid-dinja, hekk kif se jkun organizzat sabiex jiċċelebra l-mitt sena mit-twaqqif tar-Repubblika tal-Latvja. Fost il-parteċipanti hemm kantanti, żeffiena, mużiċisti u artisti fost l-oħrajn, fejn flimkien se jiżżewqu f’festival ta’ ġimgħa ġewwa l-belt kapitali tal-Latvja.
“…meqjus bħala l-akbar Folk Festival li qatt sar fid-dinja…”
Il-grupp mill-Aurora Folk Group se jkun mmexxi minn Marlon Mercieca, fejn il-korjografija taż-żfin huwa taħt id-direzzjoni ta’ Michelle Grech Farrugia, filwaqt li l-orkestra hija fil-ħsieb ta’ Patrick Grima. Is-Soċjetà tirringrazzja, tifraħ u tawgura lill-Aurora Folk Group li se tingħaqad f’din l-okkażjoni storika ta’ dan il-pajjiż fl-Unjoni Ewropeja.