Għada d-29 t’April, biex infakkru u niċċelebraw

28. 04. 2017
Joseph Debrincat b’suċċessi mill-Albanija.
25. 04. 2017
Id-29 t’April, tifkiriet u emozzjonijiet
02. 05. 2017

Għada, id-29 t’April jaħbat il-61 anniversarju mill-akbar għotja li s-Soċjetà Filarmonika Leone setgħet qatt għamlet; l-għotja tal-vara ta’ Santa Marija lill-Katidral ta’ Għawdex. U għalhekk, għada fis-7:15pm niltaqgħu l-Katidral biex infakkru u niċċelebraw.

Għada, id-29 t’April ninġabru mal-għeżież ta’ dawk il-pijunieri li fl-1956 mexxew it-taħdidiet biex Santa Marija setgħet titla’ l-Katidral. Ninġabru ma’ Edward Grech, il-Viċi-President anzjan li mimli bil-għomor huwa l-uniku membru li ħadem u stinka ta’ żagħżugħ li kien biex Santa Marija titla’ l-Katidral u llum għadu jgawdiha hawnhekk magħna.

Jekk wieħed jifli sewwa l-ittri u l-korrispondenzi bejn is-Soċjetà Filarmonika Leone u Mons. Isqof Ġużeppi Pace, jinnota li l-kwistjonijiet u s-suġġett ta’ ħafna trattattivi ma kinitx per se l-istatwa ta’ Santa Marija imma l-ħajja pastorali tal-parroċċa tal-Katidral. Hija storja ta’ tmexxija, ta’ leadership, ta’ poplu li kellu għal qalbu l-parroċċa tal-Katidral u ma felaħx jaraha tiġi mkasbra. U meta ra li min kellu jkun għaliha ma kienx qiegħed jimpenja ruħu biżżejjed, ħolom biex ixammar il-komma u għall-Katidral jidħol b’ruħu u b’ġismu hu. Għalhekk, fid-29 t’April 1956, mhux tant is-Soċjetà tat statwa lill-Katidral, imma dakinhar, is-Soċjetà Leone tat lilha nnifisha, bl-isforzi, bl-enerġija, bil-passjoni kollha tagħha. Dakinhar, is-Soċjetà qiegħdet lilha nnifisha għad-dispożizzjoni tal-Katidral. Ġabret lil niesha u uriethom li t-triq tagħha hija waħda – waħda għat-telgħa, u d-dar tagħha hija waħda – waħda fil-għoli.

Din l-għotja, din id-dedikazzjoni assoluta ġiet issiġillata b’xi ħaġa li tidher, u kien għalhekk li ladarba Mons. Isqof aċċetta din ir-rabta bejn is-Soċjetà Leone u l-Katidral, ma kinitx se tkun aktar diffiċli biex imbagħad jaċċetta l-vara ta’ Santa Marija. Dejjem hekk qalu n-nies tal-ljun għax-xbieha ta’ Santa Marija “din mhix tat-triq!” u hekk irnexxielhom. Dan kollu huwa miġbur fil-memorja ta’ Dwardu Grech u tal-familjari tal-għeżież li kienu jidderieġu lis-Soċjetà fl-1956. Iżda għadu miġbur ukoll f’dokumentazzjoni oriġinali li s-Soċjetà Leone għandha l-pjaċir turi lin-nies għada waqt il-quddiesa tad-29 t’April.

Għada, fil-Katidral, iddoqq il-Banda Ċittadina Leone. Jiċċelebraw il-quddiesa l-membri tal-Presbiterju Parrokkjali u jattendi bi ħġaru kull min huwa partitarju tal-ljun. In-nies kellha, u għad għandha ċ-ċans titlob il-post merfugħ, u jidher li l-konkorrenza se tkun waħda tajba ħafna, għaliex diġà qegħdin nistennew aktar minn 200 ruħ fil-Katidral. Għada huwa d-29 t’April, jum għażiż għalina għaliex jorbtilna lis-Soċjetà tagħna mal-Katidral tagħna; huwa l-jum li jispjega r-realtà tagħna, aħna li llum, fl-2017 ma nafuhiex mod ieħor. Ninġabru bi ħġarna għad-dell ta’ Santa Marija mtellgħa s-sema biex infakkru, niċċelebraw u nroddu ħajr lil Alla għal tant grazzji sbieħ imsawba fuqna.