Id-29 t’April, tifkiriet u emozzjonijiet

02. 05. 2017
Għada d-29 t’April, biex infakkru u niċċelebraw
28. 04. 2017
Dal-ġranet fil-każin
05. 05. 2017

Nhar is-Sibt, 29 t’April, is-Soċjetà Filarmonika Leone fakkret il-61 sena mill-ġrajja storika ta’ meta hija rnexxielha tirregala l-istatwa artistika u devota ta’ Santa Marija lill-Katidral ta’ Għawdex. Iva, tassew huwa minnu meta ngħidu “irnexxielha”, għaliex it-triq biex din l-għotja setgħet issir kienet waħda għat-telgħa – mhux biss fis-sens litterali, imma anki fis-sens metaforiku.

Sfond storiku mimli diffikultajiet

Id-diffikultajiet biex l-istatwa ta’ Santa Marija setgħet tingħata lill-Katidral ta’ Għawdex u tinżamm hemmhekk għall-qima tal-pubbliku joħorġu minn bosta rakkonti u aneddoti personali, iżda joħorġu ukoll minn serje ta’ ittri bejn il-kumitat u d-delegazzjoni maħtura minnu, u l-Kurja tal-Isqof – mal-isqof Pace innifsu, jew segretarji tiegħu, ma’ prelati f’Ruma u ma’ awtoritajiet ċivili. It-triq kienet diffiċli għaliex dak li kienu qegħdin jitolbu tal-ljun dak iż-żmien kien bla preċedent. Qatt qabel ma kienet saret xi ħaġa bħal dik.
 
Barra minn hekk, din l-għotja kienet diffiċli għaliex l-għotja, fil-verità, kienet biss siġill ta’ affarijiet u implikazzjonijiet ħafna aktar. L-akbar ġlieda tas-Soċjetà Leone fl-1956 ma kinitx li l-istatwa tidħol fil-Katidral per se, imma li l-parroċċa tal-Katidral ikollha d-drittijiet kollha tagħha mħarsa; li l-parroċċa tal-Katidral ikollha n-nies addetti għaliha li jieħdu ħsiebha, jaqbżu għaliha u jiddefenduha; li l-parroċċa tal-Katidral ikollha min iħobbha u jistinka għaliha.
 

Id-dati l-aktar importanti

Dawn il-battalji ġew mirbuħa u kkonfermati meta finalment, Mons. Isqof Pace aċċetta dawn il-kundizzjonijiet u b’simbolu, jew ġest estern, aċċetta l-istatwa ta’ Santa Marija fil-Katidral. Minn korrispondenza li ġiet esibita fil-Katidral nhar is-Sibt li għadda, insibu li f’Jannar 1956, Mons. Isqof kien diġà qabel fil-prinċipju li Santa Marija tidħol fil-Katidral. Imbagħad kien aktar tard fis-27 ta’ Marzu meta delegazzjoni mill-Kumitat tas-Soċjetà Leone ltaqgħet u qablet ma’ Mons. Isqof fuq l-għoti tal-vara u kundizzjonijiet oħra. Finalment, ġie deċiż li d-data tal-għotja kellha tkun il-Ħadd 29 t’April 1956, u hekk fil-fatt sar. 
 

Awguri lil George Mercieca u martu Charlene

Dan kollu ġie ċċelebrat b’quddiesa solenni nhar is-Sibt li għadda 29 t’April 2017 fis-7:15pm, wara li fil-quddiesa ta’ qabel, il-bandist George Mercieca kien għadu kif ingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ ma’ martu Charlene Attard. Minn hawnhekk, is-Soċjetà Leone tieħu l-okkażjoni sabiex tawguralhom ħajja feliċi fis-sagrament taż-żwieġ nirani.
 
Għall-konċelebrazzjoni solenni attendew mijiet ta’ nies fil-Katidral, fosthom membri tal-kumitat u qraba ta’ familjari li kienu fil-kumitat tas-Soċjetà tagħna fl-1956.  Uħud minnhom kienu wieġbu għas-sejħa tas-Soċjetà u refgħu s-siġġijiet minn qabel, iżda ħafna oħrajn ukoll żdiedu man-numru riservat biex litteralment imlew il-Katidral bil-korsija kollha u partijiet mill-kappelli laterali. Mons. Arċipriet flimkien ma’ 8 saċerdoti oħra tal-parroċċa kkonċelebra u niseġ omelija mill-isbaħ dwar is-suġġett. Għal din l-okkażjoni, il-Banda Leone b’element ta’ ħamsin ruħ animat il-quddiesa, akkumpanjata mill-Aurora Youth Choir.
 
Il-quddiesa ntemmet billi t-tfal tal-kor, segwiti mill-abbatini u l-kleru, immarċjaw proċessjonalment għal quddiem ix-xbieha ta’ Santa Marija u ntunaw is-Salve Regina bil-latin. Hawnhekk kompla t-talb, li għal din l-okkażjoni kien b’intenzjoni speċjali għall-benefatturi tas-Soċjetà Leone u tal-Katidral kif ukoll għal Mons. Arċidjaknu Giovanni Bosco Gauci li fil-ħin tal-konċelebrazzjoni kien jinsab agunija. 
 

Fid-29 t’April: iħallina Mons. Arċidjaknu

Fil-fatt, matul il-quddiesa, Mons. Arċipriet talab sabiex tkun Santa Marija li tassisti lil Mons. Gauci li jinsab fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu u tagħtih mewta tajba, meta kollox kien jindika li din tinsab fil-qrib. Għall-ħabta tad-9.30pm, imbagħad, il-kampnar tal-Katidral ħabbar il-mewt ta’ Mons. Gauci, f’din il-ġurnata għażiża, li tal-importanza tagħha huwa dejjem kien konxju.
 
Hekk, id-29 t’April ġie u mar bl-emozzjonijiet u bl-istejjer tiegħu. Minn hemm, is-Soċjetà Filarmonika Leone kienet minn tal-ewwel li esprimiet il-kondoljanzi tagħha u poġġiet għad-dispożizzjoni tal-familjari u tal-W.R. Kapitlu Katidrali s-servizzi tagħha. Is-Soċjetà Leone dejjem qieset lilha nnifisha bħala sħab ma’ żewġ entitajiet oħra fl-imħabba tagħha lejn il-Katidral. Il-partnership dejjem kien fuq tlieta – Soċjetà, Parroċċa u Kapitlu Katidrali. Għalhekk, bħala l-kap tal-Kapitlu Katidrali, is-Soċjetà Filarmonika Leone dehrilha li għandha tagħti ukoll id-dritt tal-akkumpanjament tal-banda.
 
Għalhekk, illum, tkun il-Banda Leone li tieħu sehem fil-funeral tal-mibki Mons. Giovanni Bosco Gauci, Arċidjaknu tal-Kapitlu Katidrali, billi ddoqq f’korteo funebri mill-Katidral sal-knisja ta’ San Ġakbu wara l-quddiesa funebri, għall-ħabta tas-6:30pm.
 
Agħtih O Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem.