Tislima xierqa lil Salvu Grech

30. 11. 2017
Iħallina Salvu Grech (ix-Xuxi)
27. 11. 2017
Matematika, Literacy u Arti fit-Teatru Aurora
01. 12. 2017
 

Ilbieraħ, l-Erbgħa 29 ta’ Novembru 2017, bosta persuni; familjari, ħbieb u partitarji, attendew għall-funeral ta’ Salvu Grech (ix-Xuxi).

Nhar il-Ħadd 26 ta’ Novembru 2017, is-Soċjetà Filarmonika Leone b’niket ħabbret il-mewt ta’ Salvu Grech, magħruf bħala Ix-Xuxi. Salvu hu magħruf għall-ħidma tiegħu sabiex titkabbar il-Festa ta’ Santa Marija billi jiżżejnu s-smewwiet bil-logħob tan-nar tal-ajru. Infatti, huwa kien Fundatur tal-għaqda Vampa Organisations. Għall-ħidma tiegħu fi ħdan is-Soċjetà tul is-snin, Salvu Grech kien mogħti l-onorifiċenza ta’ Membru Onorarju tas-Soċjetà Filarmonika Leone fil-Programm Mużikali tal-Festa, nhar id-9 t’Awwissu 2017. 

Il-funeral tiegħu sar ilbieraħ, l-Erbgħa, akkumpanjat mill-Banda Ċittadina Leone. Għall-ħabta tat-3:30pm, il-Banda Leone selmet lil Salvu Grech quddiem il-Każin tagħha bid-daqq ta’ marċi funebri. Hawn, diversi membri tal-għaqda Vampa Organisations dawru lit-tebut lejn il-Każin tal-Banda Leone bħala sinjal t’apprezzament ta’ dak kollu li offra lis-Soċjetà tagħna, u wara refgħuh fuq l-ispallejn sal-Katidral. Il-Banda Ċittadina Leone akkumpanjat il-korteo funebri. Fuq quddiem imxew Mr Michael Magro u l-Kumitat tal-Vampa Organisations kif ukoll Dr Michael Caruana u l-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika Leone. Għadd ta’ familjari, ħbieb u partitarji akkumpanjaw it-tebut f’dan il-korteo. F’din l-okkażjoni, wara l-istandard tal-banda imkeffen fid-drapp iswed, imxiet ukoll l-onorifiċenza ta’ membru onorarju li lilu ġiet mogħtija f’Awwissu li għadda.

Fit-telgħa tal-Katidral, il-Vampa Organisations selmet lill-Fundatur tagħha b’salut minn fuq l-Għolja ta’ Gelmus. F’dak il-mument, ir-reffiegħa dawru t-tebut iħares lejn l-Għolja bħala simbolu ta’ gratitudni għal ħidmietu tul dawn is-snin kollha. L-istess sar mad-daqq tal-Innu tal-Banda Il Leone, hekk kif it-tebut iddawwar lejn il-Banda Ċittadina Leone fil-Pjazza tal-Katidral. Hemmhekk ġie milqugħ minn Mons. Arċipriet li wassal lit-tebut sal-Knisja għall-kant tas-Salmi. Mons. Arċipriet Joseph Sultana ppresieda l-quddiesa presente cadavere, fejn ikkonċelebraw ukoll għadd ta’ saċerdoti tal-parroċċa.

F’ħidmietu fis-Soċjetà Filarmonika Leone saħaq li dak li tgħallem fejn jidħol ix-xogħol tan-nar, għandu jaqsmu ma’ ħaddieħor, id f’id mal-valuri tal-prudenza u attenzjoni. Huwa għalhekk li waqqaf l-għaqda Vampa Organisations, sabiex fi struttura organizzata, l-imħabba tiegħu, u ta’ oħrajn bħalu, lejn Ommna Santa Marija, tissarraf f’wirja spettakolari ta’ logħob tan-nar fis-smewwiet. Dejjem ra li x-xogħol tan-nar minnu u minn membri tal-għaqda ikun b’mod prudenti u sigur. Dak li għallem u li saħaq baqa u jibqa fil-qalb ta’ kull membru tal-għaqda Vampa Organisations, u huwa għalhekk li ħalla warajh monument denju fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Leone.

Is-Soċjetà Filarmonika Leone, bil-fergħat kollha tagħha, twassal il-kondoljanzi tagħha lill-familja Grech.