Matul din il-ġimgħa, min-nhar it-Tnejn 27 ta’ Novembru sal-Ġimgħa l-1 ta’ Diċembru, it-tfal kollha tat-tieni sena tal-primarja tal-iskejjel tal-istat fil-Kulleġġ t’Għawdex kellhom ġurnata ta’ attivitajiet ta’ tagħlim fit-Teatru tal-Opra Aurora. Din l-attività, imsejħa Mathracy kienet imtellgħa mid-Dipartiment tal-Literacy fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u t-Teatru tal-Opra Aurora.
Mathracy hija ġimgħa fejn it-tfal tal-iskola, f’xi ġurnata jew oħra, ikollhom ġurnata ‘l barra mill-iskola u tkun kollha ffukata fuq attivitajiet tal-Matematika u Literacy – smigħ, taħdit, qari u kitba. Fis-snin preċedenti, dawn l-attivitajiet kienu saru għal sena waħda partikolari f’lukandi jew postijiet oħra. Din is-sena, id-dipartiment tal-literacy ħaseb biex il-Mathracy issir għat-tfal kollha mill-year 1 sal year 6. It-tfal tal-year 2, din is-sena messhom ġimgħa attivitajiet fit-Teatru tal-Opra Aurora.
Nhar it-Tnejn kellna lit-tfal tal-iskola tal-belt Victoria, it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis ġew tfal minn skejjel oħra biex illum il-Ġimgħa kien fadal jiġu t-tfal tal-iskejjel tal-gvern minn Għajnsielem u min-Nadur. Il-ġurnata kienet tibda billi t-tfal jiddaħħlu fis-sala tat-teatru u ssirilhom taħdita, forma ta’ tour mal-post mis-Segretarju. Bl-għajnuna ta’ flashcards imħejjija apposta, it-tfal jitgħallmu x’inhi opra, fejn tkun l-orkestra, il-kor, il-palk u l-backstage, ix-xenografija u anki x’inhuma dawk il-karatteristiċi interessanti li ssibhom f’kull teatru u oħrajn li ssibhom speċifikament f’teatru tal-opra. Sadanittant, il-ġenituri li jinteressahom jattendu kien ikollhom taħdita differenti fis-sala tal-kumitat Mons. Ġużeppi Pace. Wara, it-tfal kienu jinqasmu fi gruppi u jkollhom attività ta’ qari fuq il-palk il-kbir tat-teatru, attività ta’ kitba fis-sala tal-arkivji mużikali Dr Francesco Masini, attività ta’ mużika u literacy fis-sala tal-kunċerti 29 t’April 1956 u attività tal-Matematika fis-sala tal-vestwarju fir-raba’ sular. Minn attività għall-oħra u daqsxejn ta’ break, it-tfal dejjem qattgħu mid-9am sa wara s-1pm fit-teatru jieħdu pjaċir u jitgħallmu. L-attivitajiet kienu kkordinati mill-Kap tad-Dipartiment tal-Literacy, Elaine Ciantar, u mwettqa mis-support teachers tal-Literacy, tal-Matematika u l-peripatetic teachers tal-Mużika.
Għal din l-okkażjoni, apparti l-flashcards li ntużaw għat-tour tat-teatru, ġie stampat ukoll ktejjeb b’eżerċizzji relatati mas-suġġetti u l-attivitajiet tat-tfal infushom, li kien jinkludi wkoll tagħrif dwar it-Teatru tal-Opra Aurora li t-tfal ħadu ħafna pjaċir jaqraw u jitgħallmu dwarhom.
Kienet tassew ġimgħa sabiħa għat-Teatru tal-Opra Aurora li bl-għajnuna u bl-inizjattiva tal-Kulleġġ t’Għawdex kompla jsaħħaħ il-missjoni edukattiva tiegħu fost it-tfal Għawdxin.
Ritratti: Gozo College