Anton F. Attard, 1943 – 2018: Iħallina Anton F. Attard – membru onorarju

19. 07. 2018
L-Aurora Folk Group jagħmel unur lil Malta fil-Latvja
05. 07. 2018
Festa Santa Marija 2018
24. 07. 2018
 

Anton F. Attard, 1943 – 2018: Iħallina Anton F. Attard – membru onorarju

 

Is-Soċjetà Filarmonika Leone tħabbar b’sogħba kbira l-mewt ta’ Anton F. Attard, membru onorarju tas-Soċjetà, difensur distint tal-Banda Ċittadina Leone u l-Katidral ta’ Għawdex, promutur tal-lingwa Maltija bil-kitba ta’ proża u poeżija kif ukoll tal-folklor u t-tradizzjonijiet bir-riċerka tiegħu.

 

24 April 2011 – Anton F. Attard intervistat waqt id-dimostrazzjoni ta’ Kristu Rxoxt mill-Katidral. Ritratti mill-Arkivji tas-Soċjetà, meħud minn Leo Mario Haber.

 

Il-mewt tiegħu seħħet nhar l-Erbgħa 18 ta’ Lulju 2018 tard bil-lejl, fl-għomor ta’ 75 sena. Anton F. Attard kien persuna li għal snin twal investa l-enerġija kollha tiegħu sabiex jiġu ppreservati l-istorja u l-kultura, partikolarment il-kultura folkloristika u popolari ta’ pajjiżna, b’mod speċjali il-veritajiet fil-primati tas-Soċjetà Filarmonika Leone fost il-baned Għawdxin u l-Katidral ta’ Għawdex fost il-knejjes u l-parroċċi f’Għawdex. Attard twielet fl-14 ta’ Frar 1943. Huwa attenda l-Iskola Primarja tar-Rabat u l-iskola sekondarja fil-Liċeo. Huwa ggradwa bħala għalliem mis-St Michael’s Training College u kompla b’Baċellerat tal-Arti u Masters mill-Università ta’ Malta. Wara karriera bħala għalliem, Attard kompla l-impjieg maċ-ċivil. Huwa serva wkoll bħala segretarju tas-sezzjoni taċ-ċivil fi ħdan il-General Workers Unions. F’Għawdex, Attard kien responsabbli għall-ftuħ tad-Dipartiment għas-Servizzi Soċjali. Huwa rtira fl-2003.

L-interessi varji tiegħu rawh jissieħeb f’diversi għaqdiet u kumitati fosthom il-Kumitat tal-Kultura f’Għawdex, is-Soċjetà Maltija għall-Arti, Manifattura u Kummerċ, is-Soċjetà Maltija tal-Istorja, il-GWU, l-Akkademja tal-Malti, is-Soċjetà Filatelika Maltija u Għawdxija, iċ-Circolo Gozitano, u mhux l-inqas b’mod mill-aktar attiv il-Katidral ta’ Għawdex u s-Soċjetà Filarmonika Leone. Attard jibqa’ magħruf għall-kitbiet tiegħu; proża u letteratura, poeżiji, artikli u riċerki. Kien ilu jippubblika sa mill-1959 meta għalaq 16-il sena. Kien jikteb fuq kull gazzetta u għadd bla qies ta’ pubblikazzjonijiet oħra, inkluż, b’mod prominenti fil-ktieb tal-festa ta’ Santa Marija. Huwa kien ukoll kontributur regolari fuq Radju Katidral, kif ukoll fuq bosta programmi tar-radju u televiżjoni nazzjonali, fosthom Għawdex Illum.

Lill-Matriċi ta’ Għawdex u lis-Soċjetà Leone, Anton F. Attard iddefendihom bis-saħħa u bil-mezzi kollha li kellu. Kien konvint minn dak li kien jgħid u jikteb u s-Soċjetà u l-Parroċċa dejjem kellhom fiduċja sħiħa fir-riċerki dokumentati li huwa dejjem wettaq.

Strieħ fis-sliem għażiż, Anton. Ċerti li Santa Marija tinsab lesta biex tilqgħek magħha fil-ħajja ta’ dejjem. Agħtih o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu, Jistrieħ fis-Sliem. Amen.

Il-Funeral huwa skedat għall-Ħamis 26 ta’ Lulju 2018, b’korteo li jitlaq minn quddiem il-Każin tal-Banda Leone fil-4.45pm bl-akkumpanjament tal-Banda Ċittadina Leone. Quddiesa fil-Katidral t’Għawdex tibda fil-5.30pm.