Erġa’ għix il-ġrajja

23. 04. 2018
L-Aurora Folk Group għal-Latvja
11. 04. 2018
Sejħa għall-offerti għall-kiri tal-bar u ristorant
25. 04. 2018

 

Is-Soċjetà Filarmonika Leone, flimkien mal-Parroċċa tal-Katidral, issejjaħ lill-parruċċani, tesserati u partitarji sabiex jerġgħu jgħixu l-ġrajja li sawret ħolqa tad-deheb bejn is-Soċjetà u l-Katidral. 

Is-Soċjetà Filarmonika Leone varat il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tat-62 Anniversarju mill-għotja tal-Istatwa Artistika u Devota ta’ Santa Marija mis-Soċjetà lill-Katidral tal-Assunta, Għawdex. Filwaqt li nittamaw li tingħaqdu mas-Soċjetà u l-Parroċċa f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, inħeġġuk sabiex terġa tgħix din il-ġrajja li sawret ħolqa tad-deheb bejn l-ewwel Soċjetà Mużikali f’Għawdex u l-Matriċi tal-gżira.

 

 

 

Is-Sibt 28 t’April

2:00pm      Attività fil-beraħ għall-addoloxxenti u ż-żgħażagħ, bi tluq mill-Każin tal-Banda Leone.

7:30pm      L-Opra ‘Norma’ fit-Teatru tal-Opra Aurora bħala parti mill-Gaulitana Festival.

 

Il-Ħadd 29 t’April – Jum it-Tifkira tad-Donazzjoni

10:30am     Konċelebrazzjoni solenni fil-Katidral t’Għawdex immexxija minn Mons Arċipriet Joseph Sultana bis-sehem tal-presbiterju parrokkjali.  Tieħu sehem il-Banda Ċittadina Leone flimkien mal-Aurora Youth Choir.

Għal din l-okkażjoni, l-Istatwa ta’ Santa Marija ser tinħareġ min-niċċa għall-qima tal-fidili u tibqa’ għall-ftuħ tal-15-il Erbgħa bi tħejjija għall-Għid tal-Assunta.

 


 

12:30pm     Ikla tal-Festa fil-Każin tal-Banda Leone mill-għaqda Żgħażagħ Iljuni. Biljetti bi prezz ta’ €20 u €10 għat-tfal jistgħu jinkisbu minn 79800684 jew mill-Uffiċċju tas-Segretarjat.

Menù

Pea and Bacon Soup

~~~

Antipasto Platter

~~~

Roast Beef

Honey Glazed Gammon

Calamari in Garlic and White Wine

served with roasted potatoes and vegetables

~~~

Selection of cakes 

 

 
7:30pm     High Tea kbir tal-Festa fil-Każin tal-Banda Leone.

 

L-Erbgħa 2 ta’ Mejju – L-Ewwel Erbgħa ta’ Santa Marija

Quddies fil-Katidral: 6:15am, 7:00am, 8:00am, 6:00pm, 7:15pm u 8:30pm.

7:15pm            Konċelebrazzjoni solenni bl-omelija mill-Arċipriet Mons. Joseph Sultana flimkien mas-saċerdoti tal-parroċċa. Din is-sena l-ħsibijiet ser ikunu mnebbħa mill-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew) tal-Papa Franġisku dwar is-sejħa tal-qdusija fid-dinja tal-lum.

8:00pm            Pellegrinagg aux flambeaux bit-talba tar-Rużarju fil-bidu tal-Erbgħat fit-toroq tac-Cittadella. Barka Ewkaristika.

8:30pm            L-aħħar quddiesa.

 

Messaġġ mingħand l-Arċipriet tal-Katidral:

“Ta’ kull sena l-komunita parrokkjali tal-Katidral flimkien mas-Soċjeta Filararmonika Leone jifirħu u jiċċelebraw il-jum tad-29 t’April. Dan għaliex ifakkar il-ġrajja tal-1956 meta l-Katidral laqa’ fi ħdanu x-xbieha għażiża ta’ Santa Marija u waqt li stagħna biha bħala l-isbaħ ġojjell tiegħu, ħadet il-ħajja il-komunita parrokkjali tal-Katidral. Għalhekk dan huwa jum li jibqa’ mfakkar minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom din il-komunita’ parrokkjali waqt li jħarsu ‘il quddiem b’fiduċja biex uliedna u wlied uliedna jibqgħu midmumin ma’ din il-ġrajja.

L-appell tiegħi hu biex kull parruċċan jibqa’ jgħożż din il-komunita tal-fidi biex Santa Marija tibqa’ tiġborna flimkien u tressaqna għand binHa Ġesu’. Nistieden lil kull familja tal-parroċċa biex tibqa’ qrib ta’ Santa Marija, u għalhekk qrib il-Katidral. Missirijietna kellhom ħafna diffikultajiet x’jiġu megħluba imma kienu qalbhom kbira tant li xejjnu kollox, u Santa Marija kisbet il-Katidral bħala s-Santwarju u l-parroċċa tagħha.

Nappellalkom biex nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li ġew imħejjija u fuq kollox inkebbsu rieda tajba biex ninvistaw lil Santa Marija fil-Katidral tul il-15- il Erbgħa li ser nibdew minn nhar l-Erbgħa 2 ta’ Mejju. Fiduċjuż li jekk nersqu lejn Marija, ser tressaqna għand binHa Ġesu’ li huwa l-ġid waħdieni u dejjiemi ta’ kull nisrani.” (Mons Joseph Sultana)

 

Messaġġ mingħand is-Segretarju tas-Soċjetà Filarmonika Leone:

“Nixtieq naqsam magħkom il-kuntentezza li nħoss meta nisma dwar il-passat tas-Soċjetà tagħna, speċjalment mingħand persuni li minn qalbhom jirrakkontaw il-ġrajjiet li bihom din is-Soċjetà kisbet suċċess. Ikolli nistqarr li l-aktar għal qalbi fosthom hija l-ġrajja għażiża tad-29 t’April 1956 – il-ġrajja li fiha s-Soċjetà rregalat l-istatwa artistika u devota ta’ Santa Marija lill-Parroċċa tal-Katidral – il-ġrajja li biha ssawret ħolqa tad-deheb bejn is-Soċjetà u l-Katidral.

Ftit jiem oħra, is-Soċjetà u l-Parroċċa se jiċċelebraw is-62 Anniverarju minn din il-ġrajja għażiża li hija mmarkata fil-qlub ta’ kull partitarju ta’ Ljun u parruċan tal-Katidral. Inħeġġek sabiex inti, il-familjari u l-ħbieb tiegħek tingħaqdu mas-Soċjetà u l-Parroċċa f’din iċ-ċelebrazzjoni, l-Ikla fil-Każin tal-Banda Leone u f’kull attività fil-programm ta’ festi, fejn nittama li flimkien nerġgħu ngħixu din il-ġrajja.

Minn hawn nibdew triqitna lejn il-Festa għażiża ta’ Santa Marija – il-Patruna Speċjali tal-Gżejjer Maltin, fejn inħeġġiġkom tkunu parteċipi tul l-Erbgħat kollha. Post kull Iljun huwa ħdejn Santa Marija fil-Maqdes tagħha.” (Thomas Bajada)