Suċċess ieħor fl-40 sena

30. 10. 2017
It-Teatru tal-Opra Aurora jagħti ġieħ lil Għawdex
30. 10. 2017
67 sena mill-Proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunta
01. 11. 2017
 

It-Teatru tal-Opra Aurora ċċelebra l-40 sena ta’ Opra f’Għawdex mit-Teatru tal-Opra Aurora bis-suċċess tal-produzzjoni tal-opri ‘Cavalleria Rusticana’ u ‘Pagliacci’.

Nhar is-Sibt 14 t’Ottubru, it-Teatru tal-Opra Aurora tella’ żewġ opri f’lejl wieħed sabiex jiċċelebra l-40 anniversarju minn meta l-istess Teatru welled l-Opra fil-gżira Għawdxija. Kien is-7 ta’ Jannar 1977, meta wara biss tliet xhur mill-ftuħ uffiċċjali tiegħu, it-Teatru Aurora  sar bil-produzzjoni tal-‘Madama Butterfly’ nhar is-7 u 8 ta’ Jannar 1977. Minn hemm ‘il quddiem, it-Teatru bena reputazzjoni nazzjonali, u anke internazzjonali, bil-ħidma tiegħu fis-settur artistiku, grazzi għad-dedikazzjoni ta’ bosta voluntiera, li fl-għaqda raw dan bħala l-għan ewlieni ta’ ħidmiethom. 

B’sala b’udjenza estensiva, it-Teatru tal-Opra Aurora ħareġ bl-unuri, bi produzzjoni ta’ livell għoli u solisti ta’ kalibru, kemm solisti barranin li qed jagħmlu suċċessi fl-aqwa teatri internazzjonali, kif ukoll solisti Maltin promittenti.

 

Ritratti minn Pix by P – Artiklu jkompli wara.
[Not a valid template]

 

Kast Rinomat

Il-‘Cavalleria Rusticana’ ta’ Pietro Mascgni inkitbet fl-1890. F’din ir-rappreżentazzjoni ħadu sehem Alberto Mastromarino, bħala Alfio, u Giancarlo Monsalve, fl-irwol ta’ Turiddu. Mastromarino kien għadu kemm żar it-Teatru tal-Opra Aurora aktar kmieni din is-sena, fil-produzzjoni tal-Gaulitana, ‘Madama Butterfly’, fejn kellu suċċess kbir, suċċess li rrepetih b’aktar qawwa u reżonanza f’din il-produzzjoni. Min-naħa l-oħra, Monsalve, stilla tal-opra Ċilena u Ambaxxatur Kulturali għall-Patrimonju Dinji tal-UNESCO, kien qed jiddebutta biex żied lit-Teatru tal-Opra Aurora ma’ lista tal-aqwa teatri tad-dinja, fosthom ir-Royal Opera House ta’ Covent Garden, l-Arena di Verona u n-National Opera ta’ Washington li fihom huwa deher. Għal Monsalve, dan ukoll kien lejl ta’ suċċess.  Magħhom ingħaqdu ukoll Joanna Parisi, bħala Santuzza, u l-Maltin Christine Dalli u Graziella Debattista bħala Lola u Mamma Lucia.

Miktuba biss sentejn wara – fl-1892 – l-opra ‘Pagliacci’ ta’ Ruggero Leoncavallo segwiet fl-istess serata wara intervall ta’ ftit aktar minn nofs siegħa. L-uniċi żewġ membri tal-kast komuni bejn iż-żewġ opri kienu Mastromarino u Monsalve, bħala Tonio u Canio rispettivament. Magħhom deher Marzio Giossi, baritonu li issa huwa magħruf mat-Teatru Aurora u l-udjenzi tiegħu. Dan interpreta l-parti ta’ Silvio. Il-Malti Cliff Zammit Stevens kien milqugħ mill-udjenza fit-Teatru tal-Opra Aurora b’mod verament pożittiv hekk kif iddebutta fl-Aurora fl-irwol ta’ Peppe. L-applawsi voċiferużi kienu tassew meritati. Ma’ dawn ħadet sehem is-sopran ta’ oriġini Griega, Elena Kelessidi bħala Nedda.

 

Direttur ġdid

Wara l-erbgħin sena ta’ sapport artistiku mill-familja Tabili, it-tmiem amikevoli ta’ din l-istorja ta’ kollaborazzjoni wasslet sabiex it-Teatru tal-Opra Aurora jqabbad lil Gianmaria Romagnoli għall-ewwel darba bħala direttur artistiku. Romagnoli ġab tiġdid fid-direzzjoni artistika, b’attenzjoni speċjali fuq dettalji li jinstabu fil-libretti. L-istil ta’ Romagnoli huwa diskutibbli. Kien hemm min qabel miegħu, kien hemm min offrielu sfida. Ċertament qajjem dijalettika bejn l-artisti u l-udjenza u din kienet xi ħaġa tassew pożittiva.

 

Pre-Opera Lecture

Din is-sena, nhar l-opra stess fis-6pm, numru sabiħ ta’ dilettanti tal-opra attenda għal taħdita dwar l-opri Cavalleria Rusticana  u Pagliacci minn Abraham Borg. Din it-taħdita ġiet organizzata fis-sala 29 t’April 1956 u kienet titratta l-elementi tal-veriżmu li f’dawn iż-żewġ opri – għalkemm miktubin b’mod separat minn kompożituri differenti – joħroġ b’mod qawwi u fi żmienhom kien xi ħaġa rivoluzzjonarja.

Pre-Opera Lecture (Ritratt: Manuel Xuereb)

Tosca2018

L-opra – jew l-opri – tal-2017 ġew u għaddew b’suċċess. Kienu mod mill-aktar xieraq li bih iċċelebrajna l-40 sena minn meta kien l-istess teatru tagħna li ppreżenta l-ewwel opra lirika f’Għawdex. Imma l-istorja ma tiqafx hawnhekk. Ħarsitna issa tmur ‘il quddiem. Hekk kif inhi stabbilita n-norma, it-Teatru tal-Opra Aurora jħabbar l-opra li se tiġi mtella’ mit-Teatru f’Ottubru tas-sena ta’ wara. Infatti, it-Teatru ħabbar li nhar is-Sibt 13 t’Ottubru 2018 se jtella’ l-opra rinomata fuq tlett atti ta’ Giacomo Puccini ‘Tosca’ (1900). 

It-Tosca fit-Teatru tal-Opra Aurora fl-2018

Il-lejl tal-opra fit-Teatru tal-Opra Aurora kien ċelebrazzjoni denja għall-40 sena t’Opra f’Għawdex, imwielda fl-istess Teatru – Erbgħin sena ta’ suċċessi u avvanz artistiku li ta ġieħ lill-gżira Għawdxija. Dan kien il-ftuħ tal-istaġun 2017-18; staġun t’attivitajiet ta’ kwalità fit-Teatru tal-Opra Aurora. Minn hawn, inħarsu ‘l quddiem għall-produzzjonijiet li ġejjin f’dan it-Teatru, l-ewwel ikun nhar is-Sibt 4 ta’ Novembru 2017, meta l-Banda Ċittadina Leone ttella’ il-Kunċert Annwali ‘Leone Band in Concert’.