Dal-ġranet fil-każin

05. 05. 2017
Id-29 t’April, tifkiriet u emozzjonijiet
02. 05. 2017
Carl Scerri: saċerdot ġdid għall-parroċċa tagħna
26. 05. 2017

Issa li għaddew il-festi tal-Għid u l-festa tad-29 t’April, il-ħajja fis-Soċjetà Leone u l-fergħat tagħha tibda bil-mod il-mod tidħol fl-istaġun tas-sajf, staġun li jġib miegħu primarjament – iżda mhux biss – il-festa għażiża ta’ Santa Marija.

Il-festa ta’ Santa Marija għalina tibda bil-preparazzjoni tal-Erbgħat. Mal-Erbgħat tibda l-ġabra ġenerali tal-festa kif imħabbar f’ċirkulari lill-partitarji kollha. Din ikollna l-okkażjoni nippubblikawha online f’dawn il-ġranet. Iżda, proprju f’dawn il-ġranet, il-każin tal-Banda Leone u t-Teatru tal-Opra Aurora jinsabu l-aktar impenjati bil-provi għal produzzjoni teatrali ta’ drama edukattiva “Tgħid lil Ħadd”. Din se tkun produzzjoni tal-Aurora Youth Movement, bl-għajnuna ta’ Studio 18. Se jieħdu sehem għadd ta’ żgħażagħ, uħud attivi fi ħdan is-Soċjetà tagħna u oħrajn minn irħula Għawdxin. Apparti l-kast tal-atturi, imbagħad, qed ikunu ż-żgħażagħ tagħna li jmexxu dan il-proġett minn wara l-kwinti bil-bini tal-kast, produzzjoni, promozzjoni u tant affarijiet oħra.
 

Tgħid lil Ħadd: il-provi fit-teatru Aurora

Bħalissa, ta’ kuljum minn ġurnata għall-oħra, iż-żgħażagħ tagħna jkunu miġbura fit-teatru jitgħallmu l-linji tagħhom, jagħmlu l-provi, jibnu s-sett jew jiddiskutu punti oħra li tinvolvi l-produzzjoni. Fih innifsu huwa tassew proġett li qiegħed jgħin liż-żgħażagħ tagħna jikbru fil-qasam teatrali. L-iskop tal-produzzjoni bħala xogħol teatrali mbagħad huwa li jwassal messaġġ u tagħlima liż-żgħażagħ u adoloxxenti li lkoll mistiedna u mħeġġa jattendu jaraw dan id-dramm. Madankollu, il-partitarji kollha tas-Soċjetà Leone huma mħeġġa jattendu u jġibu oħrajn magħhom biex jaraw dan ix-xogħol oriġinali bil-Malti li ġie kkummissjonat mill-AYM u miktub apposta għalihom. 
 

Quddiesa tal-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar

Intant, nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju, l-ewwel Ġimgħa tax-xahar, is-Soċjetà se torganizza ukoll il-quddiesa fil-każin. Peress li issa qlibna għall-ħin tas-sajf, din il-quddiesa se ssir fit-8pm. Se jiċċelebraha Mons. Arċipriet Joseph Sultana li mbagħad, wara l-quddiesa, jagħmel it-tberik tal-Għid fil-każin. Il-Bandisti u Partitarji huma lkoll imħeġġa sabiex jattendu għal din il-quddiesa.