Carl Scerri: saċerdot ġdid għall-parroċċa tagħna

26. 05. 2017
Dal-ġranet fil-każin
05. 05. 2017
Festa Santa Marija 2017
28. 07. 2017

Is-Soċjetà Filarmonika Leone tifraħ lid-Djaknu Carl Scerri mill-Parroċċa tal-Katidral fl-okkażjoni tal-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu fil-Katidral ta’ Għawdex minn idejn l-Isqof Mario Grech, li se ssir illum il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju 2017.

 
Illum, is-26 ta’ Mejju hija ġurnata għażiża għalina u għall-Katidral tagħna. Hija ġurnata tal-anniversarju meta l-Papa Ġwanni Pawlu II żar lid-Djoċesi ta’ Għawdex u lill-Katidral tagħna “Omm il-Knejjes kollha Għawdxin”. Iżda lil hinn mill-anniversarji u t-tifkiriet, is-26 ta’ Mejju hija ġurnata ħajja u qaddisa għaliex id-Djoċesi ta’ Għawdex se tirbaħ il-grazzja ta’ żewġ saċerdoti oħra.
 
Dawn iż-żewġ saċerdoti li se jiġu ordnati illum ilna sena narawhom iservu l-artal bħala djakni. Huma Michael Grima mill-parroċċa ta’ San Lawrenz u Carl Scerri mill-parroċċa tal-Katidral ta’ Għawdex.
 
 
Carl huwa l-iben il-kbir fost tlieta ta’ Albert u Joyce Scerri. Huwa jgħix fid-dar tal-familja tiegħu fi Triq Santa Dminka, Carl dejjem iffrekwenta l-parroċċa tal-Katidral bħala tifel u żagħżugħ. Hemmhekk huwa rċieva wkoll is-sagramenti. Illum, Carl se jkun qed jirċievi sagrament ieħor importanti – dak tal-Ordni Sagri minn idejn Mons. Isqof Mario Grech li jiġi z-ziju tiegħu.
 
Saċerdot ġdid hija dejjem grazzja għad-djoċesi, aktar u aktar għall-parroċċa mnejn ikun ħareġ. Din hija okkażjoni ta’ ferħ kbir għall-parroċċa tagħna u għalhekk anki għalina bħala Soċjetà. Huwa għalhekk li illum, f’jum l-ordinazzjoni, il-bandiera tas-Soċjetà ttir fuq il-bejt tal-każin u s-Soċjetà Leone tkun ukoll rappreżentata fil-funzjoni tal-ordinazzjoni fil-Katidral illejla fis-6:30pm.
 
Min-naħa tagħna, lil Carl nawgurawlu u nwiegħduh it-talb ħerqan tagħna.
 
Ad Multos Annos.