Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Lulju 2018, b’niket tħabbret il-mewt ta’ Anton F. Attard. Anton huwa magħruf għall-ħidma tiegħu sabiex tiġi kkonservata l-istorja tas-Soċjetà Filarmonika Leone, il-Parroċċa tal-Katidral u l-pajjiż in ġenerali. F’ħidmietu, Anton ta l-almu kollu tiegħu, dejjem bil-fatti, sabiex is-Soċjetà u l-Parroċċa jkunu protetti minn kull tentattiv li jtappan l-istorja. Il-kontribut tiegħu huwa immortali fil-kotba tal-festa ta’ kull sena u fil-bosta kotba li hu ppublika. Apparti dan, Anton kien meqjus bħala benefattur distint tas-Soċjetà u tal-fergħat fi ħdanha, kif ukoll tal-Parroċċa tal-Katidral, fejn kull fejn kien hemm bżonn, il-bieb tiegħu kien dejjem miftuħ biex jgħin. Is-Soċjetà dejjem irrikonoxxiet dan kollu, tant li tatu l-onorifiċenza ta’ Membru Onorarju, fejn anke wara li ngħata dan, baqa’ jgħin kull fejn jista.
Il-Funeral tiegħu sar ilbieraħ, l-Ħamis, fil-Katidral t’Għawdex, il-maqdes li hu ddefenda għal bosta snin. Il-Banda Ċittadina Leone akkumpanjat korteo funebri minn quddiem il-Każin tal-Banda Leone fil-4:45pm. Il-Banda Leone selmet lil Anton F. Attard quddiem il-Każin tal-Banda Leone bid-daqq tal-Innu ‘Il Leone’, fejn it-tebut iddawwar lejn il-Każin tal-istess Banda bħala sinjal t’apprezzament ta’ dak kollu li offra lis-Soċjetà tagħna. Anton kien merfugħ fuq l-ispallejn sal-Katidral. Dan il-korteo għaddha minn Triq ir-Repubblika, fejn fuq quddiem kien hemm Dr Michael Caruana u l-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika Leone, segwiti mill-Banda Ċittadina Leone, u t-tebut akkumpanjat minn għadd ta’ familjari, ħbieb u partitarji.
Hekk kif il-korteo funebri wasal fit-telgħa tal-Katidral, il-Vampa Organisations selmet lill-Anton F. Attard b’salut minn fuq l-Għolja ta’ Gelmus. Fi Pjazza Katidral, il-Banda Ċittadina Leone selmet lil Anton F. Attard bid-daqq tal-Innu tal-Banda, hekk kif it-tebut iddawwar lejn l-istess banda. Hemm, Mons Arċipriet Joseph Sultana wassal it-tebut sal-Knisja Katidral għall-kant tas-Salmi, segwit minn quddiesa presente cadavere.