40 sena ilu: L-ewwel opra lirika f’Għawdex

08. 01. 2017
Rettur Ġdid għall-Knisja ta’ Santa Luċija
04. 01. 2017
Għada, l-Pussess ta’ Mons. Joseph Sultana
14. 01. 2017

Wara li fl-2016 is-Soċjetà Filarmonika Leone iċċelebrat l-erbgħin anniversarju mill-ftuħ tat-Teatru tal-Opra Aurora fi Triq ir-Repubblika, l-akbar teatru tal-opra fil-pajjiż, ilbieraħ u llum, is-7 u 8 ta’ Jannar, is-Soċjetà bix-xieraq fakkret l-erbgħin anniversarju mill-ewwel opra lirika li ttellgħet f’Għawdex – l-ewwel opra li ppreżentat hi stess fl-Aurora, il-Madama Butterfly ta’ Puccini.

Il-Manifest tal-Opra Madama Butterfly – L-ewwel opra lirika f’Għawdex.

Dakinhar, fl-1977, tliet xhur biss wara l-ftuħ uffiċjali tat-Teatru tal-Opra Aurora, is-Soċjetà Filarmonika Leone ma qagħditx lura u m’għamlitx ħafna kompromessi mal-kwalità. Fiċ-ċirkustanzi u fil-kuntest ta’ dak iż-żmien, ġabet kantanti barranin ta’ fama internazzjonali mit-teatri ta’ Ruma u ta’ Milan sabiex tellgħet l-opra. Fost dawn il-kantanti nsibu s-sopran Flavia Tabili, il-mezzo-sopran Giuliana de Filippo, it-tenuri Savatore Fisichella u Carlo Flamini u l-baritonu Giovanni de Angelis. Ir-reġista ta’ din l-opra kien it-Taljan Dario Micheri. Għal dawn il-kuntatti kien strumentali l-Kommendatur Paolo Pace. Il-kwalità tal-opra 40 sena ilu ma tistax titqabbel mal-kwalità tal-opra tal-lum, iżda element essenzjali li baqa’ l-istess fl-opra f’Għawdex, kif imwielda mit-Teatru Aurora, huwa t-tiżwiqa tal-professjonali mal-volontarjat. Hekk pereżempju anki s-sett. Dan kien iddisinjat professjonalment mir-rinomat Henry Lynch Robinson filwaqt li mbagħad inbena mill-voluntiera tas-Soċjetà Leone. Sa mill-ewwel okkażjoni, l-opra kienet ta’ opportunità għall-istess nies tagħna sabiex jitħalltu ma’ min hu professjonali u hekk bdiet ukoll storja ta’ tagħlim u ta’ formazzjoni għan-nies involuti fil-qasam tat-teatru u tal-arti lokalment. L-orkestra, minn Malta, kienet taħt it-tmexxija tas-Surmast Joseph Sammut, filwaqt li l-Kor tas-Soċjetà Filarmonika Leone kien imħarreġ mis-Surmastrijiet Anton Bonnici u Alfred Arnold.

Il-Madama Butterfly kienet wirja ta’ determinazzjoni u ħidma kollettiva mis-Soċjetà Filarmonika Leone u l-voluntiera partitarji tagħha. Is-suċċess wassal sabiex din l-opra ġiet ukoll mxandra fuq l-istazzjon nazzjonali. Grazzi għal din l-produzzjoni operistika, kien reġa’ tqanqal l-interess f’dan il-ġeneru artistiku, li kulma jmur kien qed imajna f’Malta. Din kienet il-fjamma ta’ passjoni operistika li għadha mkebbsa fil-qalb tas-Soċjetà erbgħin sena wara, anke jekk il-produzzjoni operstika mhix fost l-aktar proġetti finanzjarjament vijabbli. Illum, it-Teatru tal-Opra Aurora għandu x-xorti li jipproduċi opra fil-ħarifa u jospita opra oħra fir-rebbiegħa. Infatti, nhar l-1 t’April l-Aurora se tospita l-opra Madama Butterfly (produzzjoni tal-kor Gaulitanus) u se tipproduċi ż-żewġ opri Cavalleria Rusticana u I Pagliacci nhar l-14 t’Ottubru, li għalihom il-booking huwa diġa miftuħ.
 
Dan kollu, is-Soċjetà tafu għad-direzzjoni li kellha, li dejjem għarfet tixpruna l-operat tas-Soċjetà, tisfrutta l-okkażjoni li tiġi quddiemha u tagħmel minnha suċċess. Dan kollu, is-Soċjetà tafu għall-bażi soda ta’ partitarji leali li dejjem kellha – partitarji li mal-iċken kelma u avviż dejjem issibhom lesti biex jagħtuk is-saħħa tan-numri, għaliex mas-saħħa tal-ħsieb, proġetti kbar bħalma hija l-opra dejjem teħtieġ ukoll is-saħħa tan-numri. Dawn is-suċċessi matul 40 sena sħaħ, is-Soċjetà tafhom ukoll lil għadd ta’ kumpaniji privati, donaturi u sostenituri, u mhux l-inqas lill-gvernijiet, li fis-Soċjetà Leone u fit-Teatru Aurora dejjem raw aġenti serji u denji tal-kultura f’pajjiżna u dejjem għenu bis-sħiħ. Bil-kontribut ta’ dawn kollha, is-Soċjetà Filarmonika Leone, illum fl-40 anniversarju minn tragward liema bħalu tikkommetti ruħha li tibqa’ kreattiva u innovattiva biex tikber, tissaħħaħ u tkun ta’ ġid għal uliedha li minnha għad iridu jgawdu fis-snin li ġejjin.
 
Dan ta’ 40 sena ilu kien l-ewwel pass sabiex is-Soċjetà Filarmonika Leone, bit-Teatru tal-Opra Aurora, tikteb l-istorja tal-arti operistika fil-gżira Għawdxija. Is-Soċjetà hija determinata li dak bdiet fit-Teatru Aurora nhar is-7 u 8 ta’ Jannar 1977, tkompli tibni fuqu għas-snin sbieħ u eċitanti li għandha quddiemha.
 

40 Years Ago: Madama Butterfly! | External Link