Rettur Ġdid għall-Knisja ta’ Santa Luċija

04. 01. 2017
L-2016 tas-Soċjetà Filarmonika Leone
01. 01. 2017
40 sena ilu: L-ewwel opra lirika f’Għawdex
08. 01. 2017

Fil-ġimgħa tal-Milied, id-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbret il-ħatra ta’ Mons. Pawlu Cardona bħala rettur ġdid għall-knisja ta’ Santa Luċija b’effett mill-15 ta’ Jannar 2017. Fl-istess waqt, Dun Franġisk Sultana, li tul is-sitta u għoxrin sena li għaddew okkupa din il-pożizzjoni, ġie maħtur Monsinjur Onorarju tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata tal-Katidral u Assistent Sagristan Maġġuri tal-istess Katidral.

Is-Soċjetà Filarmonika Leone bagħtet tifraħ u tawgura lil Dun Franġisk Sultana fl-okkażjoni tal-ħatriet tiegħu. Lilu troddlu ħajr tal-kollaborazzjoni sħiħa li sabet mingħandu tul iż-żmien tar-rettorat tiegħu fil-knisja ta’ Santa Luċija, fl-irħajjel li jġib isem din l-istess qaddisa. Sa mit-twelid tal-festi esterni ta’ Santa Luċija f’Diċembru, sitta u għoxrin sena ilu, il-Banda Ċittadina Leone dejjem akkumpanjat il-purċissjoni titulari fuq stedina ta’ Mons. Franġisk Sultana. Infatti hija l-Banda Leone stess li ddoqq l-Innu Marċ popolari lil Santa Luċija Verġni u Marti, kompożizzjoni tas-surmast direttur tagħha Colin Attard, innu li nkiteb fl-ewwel sena meta hu ġie maħtur bħala surmast direttur tal-Banda Ċittadina Leone. Il-Banda Leone bniet rabtiet b’saħħithom u pożittivi mal-komunità ta’ Santa Luċija fi żmien ir-rettorat ta’ Dun Franġisk. Għalhekk, hija ferm grata ta’ dak kollu li seħħ tul dawn l-aħħar sitta u għoxrin sena, u tifraħ bl-aħbar li Dun Franġisk Sultana se jservi b’imħabba fil-Katidral, għaliex is-Soċjetà Leone hija minn ta’ quddiem biex tara li l-Katidral ikollu nies li jħobbuh u jaħdmu għalih.

Fl-istess waqt, is-Soċjetà Filarmonika Leone bagħtet ukoll tawgura lil Mons. Pawlu Cardona għall-ħatra tiegħu, u turi tama sħiħa li r-relazzjonijiet pożittivi bejn il-komunità ta’ Santa Luċija u s-Soċjetà Leone jibqgħu sejrin taħt it-tmexxija assidwa tiegħu. Is-Soċjetà hija persważa li bil-ħidma tiegħu, Mons. Pawlu Cardona, se jkun ta’ ġid u fejda għall-komunità bid-dawl tal-Kelma t’Alla, bis-saħħa tal-Ewkaristija u bl-eżempju tal-Verġni u Marti Santa Luċija. Is-Soċjetà tibqa’ disponibbli biex tikkollabora u tanima fl-okkażjonijiet sbieħ tal-knisja u l-komunità ta’ Santa Luċija. Għalhekk, lil Mons. Cardona ukoll tifraħlu u tawguralu missjoni ta’ fejda u ġid spiritwali.

Mons. Sultana, Mons. Cardona,

Awguri.