Infatti, nhar l-Erbgħa li għadda, 11 ta’ Jannar, il-Parroċċa tal-Katidral organizzat seminar parrokkjali, b’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-pussess fid-dar tal-irtiri ta’ Manresa. Dan is-seminar kien immexxi minn Mons. Carmelo Refalo, Arċipriet tal-Parroċċa tax-Xagħra. Imbagħad ilbieraħ, il-Ġimgħa 13 ta’ Jannar, saret velja ta’ talb, kant u katekeżi fil-Katidral, ukoll bi tħejjija għall-pussess ta’ Mons. Joseph Sultana. Din il-velja kienet immexxija mid-djaknu Carl Scerri, u animata minn Mario Caruana. Għal din il-velja, l-istatwa ta’ Santa Marija kienet barra min-niċċa tagħha, u se tibqa’ barra għall-pussess ta’ Mons. Joseph Sultana. Bosta parruċċani laqgħu l-istedina tal-parroċċa, u kienu preżenti għal dawn iż-żewġ attivitajiet.
“Is-Soċjetà Filarmonika Leone tħeġġeġ lill-partitarji kollha tagħha jattendu għall-korteo u l-konċelebrazzjoni tal-pussess u tawgura mill-ġdid lill-Arċipriet Sultana.”
Għada, il-Ħadd 15 ta’ Jannar, seba’ xhur qabel il-festa ta’ Santa Marija, il-Parroċċa tal-Katidral se tkun qiegħda tiċċelebra festa oħra. Mons. Joseph Sultana se jasal fil-Każin tal-Banda Leone ftit wara l-ħin tat-8.30am, fejn jiġi milqugħ mill-membri tal-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika Leone. Fid-9.00am, il-Banda Leone, flimkien mal-Banda Victory tax-Xagħra u l-Victoria Scouts Group, se tmexxi l-korteo sal-Katidral, fejn għall-ħabta tad-9.45am tibda’ ċ-ċerimonja. Aktar dettalji jinsabu f’artiklu preċedenti. Is-Soċjetà Filarmonika Leone tħeġġeġ lill-partitarji kollha tagħha jattendu għall-korteo u l-konċelebrazzjoni tal-pussess u tawgura mill-ġdid lill-Arċipriet Sultana.
Illum, is-Sibt 14 ta’ Jannar, il-Parroċċa tal-Għarb ukoll se tkun qed tiċċelebra festa tal-pussess ta’ Arċipriet ġdid, fejn Mons. Trevor Sultana se jibda uffiċjalment il-ministeru tiegħu f’din il-parroċċa. Is-Soċjetá Filarmonika Leone tifraħ lil Mons. Trevor Sultana għall-ħatra tiegħu, tawguralu missjoni ta’ ġid spiritwali u turi x-xewqa li tkompli l-kollaborazzjoni u r-relazzjoni pożittiva li dejjem kellha mal-Parroċċa tal-Għarb.