It-Teatru tal-Opra Aurora jagħti ġieħ lil Għawdex

30. 10. 2017
Leone Band in Concert 2017
24. 10. 2017
Suċċess ieħor fl-40 sena
30. 10. 2017

F’Jum Għawdex 2017, it-Teatru tal-Opra Aurora rċieva l-onorifiċenza ta’ ‘Ġieħ Għawdex’ mill-Eċċ. Tagħha President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Nhar is-Sibt 28 ta’ Ottubru 2017, ic-Circolo Gozitano organizzata attività kommemorattiva f’Jum Għawdex. Bħal kull sena, ic-Circolo Gozitano jinnomina persuni jew entitajiet li jkunu taw ġieħ lill-gżira Għawdxija b’ħidmiethom. Infatti, din is-sena, ic-Circolo Gozitano innomina lit-Teatru tal-Opra Aurora, flimkien mat-Teatru Astra u l-kumitat organizzattiv ta’ Betlehem f’Għajnsielem għal dan il-ġieħ. F’din iċ-ċeremonja, it-Teatru tal-Opra Aurora kien irrapreżentat minn delegazzjoni magħmula minn Dr. Michael Caruana LL.D., President, Dr. Jean Paul Grech, Viċi-President, u Thomas Bajada, Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi tas-Soċjetà Filarmonika Leone.

Is-Sur Frank Masini Vento, President tac-Circolo Gozitano, L-Eċċ. Tagħha Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, u Dr. Michael Caruana LL.D., President tas-Soċjetà Filarmonika Leone (Xellug għal-lemin) 

Is-Soċjetà Filarmonika Leone sa mill-bidu tagħha fl-1863 kellha ċentrali fil-missjoni tagħha t-tixrid tal-kultura, partikolarment il-mużika. Mal-medda taż-żmien, is-Soċjetà kienet mezz ta’ divertiment u spettaklu, anki jekk b’mod amatorjali, għall-popolazzjoni, fosthom bil-produzzjoni tat-teatru u taċ-ċinema. Bejn produzzjonijiet teatrali nfushom u bejn mużika minn opri u operetti li kienet iddoqq il-banda, is-Soċjetà Filarmonika Leone sa mill-bidu tas-seklu għoxrin rawmet namra fost il-popolazzjoni Għawdxija għat-teatru, partikolarment għall-ġeneru tal-opra. Ħafna kienu dawk l-Għawdxin li kienu jisimgħu l-mużika tal-opra, iżda opra vera u proprja ma kienu rawha qatt għax fejn itellgħuha ma kellhomx.

Din l-istorja ħadet żvolta fis-sebgħinijiet. Fuq il-mewġa tal-progress wara t-tieni gwerra, is-Soċjetà kienet waqqgħet u bniet mill-ġdid it-Teatru Aurora fl-1963 fi Triq l-Arċipriet Cassar, li kien jiffunzjona primarjament bħala sala taċ-ċinema. Wara biss 7 snin, fl-1971, lis-Soċjetà Leone ġietha x-xoqqha f’moxtha u xtrat il-palazz ta’ Ettore Tabone fin-naħa t’isfel tat-Tiġrija u hemm bniet dar vera u proprja għall-opra li ġie uffiċjalment inawgurat fl-1976. Tliet xhur biss wara, dan it-teatru kien lest sabiex jilqa’ fih l-ewwel opra f’Għawdex – il-Madama Butterfly ta’ Giacomo Puccini nhar is-7 u 8 ta’ Jannar 1977 taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Sammut.

Dr Michael Caruana LL.D., President tas-Soċjetà Filarmonika Leone, bid-diskors tiegħu tal-okkażjoni. 

Minn hemm ‘il quddiem, l-istorja hija magħrufa. L-opra fil-gżejjer Maltin reġgħet kisbet interess u għaddiet minn rivoluzzjoni sħiħa. It-Teatru Aurora kien katalist sabiex l-udjenzi Maltin u Għawdxin setgħu jaraw l-akbar stilel tal-opri minn madwar id-dinja fosthom il-leġġendarji Raina Kabaivanska, Eva Marton, Juan Pons, Neil Schicoff u Maria Guleghina; ilkoll ismijiet li jimlew l-istaġuni tal-akbar teatri bħall-Metropolitan ta’ New York, il-La Scala ta’ Milan u Covent Garden ta’ Londra.

Matul dawn l-40 sena ta’ opra f’Għawdex, it-Teatru Aurora dejjem ħaddan il-prinċipju tal-attiviżmu volontarju fejn f’kull faxxa tal-produzzjoni – minn amministrazzjoni sa parteċipazzjoni anċillari, is-sehem tal-voluntiera huwa l-pedament, mhux tant għall-ekonomija finanzjarja imma sabiex l-attivisti lokali jingħataw l-opportunitajiet kollha sabiex jikbru fl-għarfien, fil-ħiliet u fl-esperjenzi huma u jaħdmu proġetti ma’ professjonisti barranin. L-ambizzjonijiet tas-Soċjetà Leone bil-bini ta’ teatru ta’ 1600 ruħ ma kinux żgħar. Ċertament li kienu rivoluzzjonarji, iżda ġew iġġustifikati maż-żmien għaliex wara 40 sena, Għawdex rabba isem, sostnut bi kwalità ta’ eċċellenza fil-produzzjoni tal-opra lirika.

Ir-rikonoxximent ta’ Ġieħ Għawdex lit-Teatru tal-Opra Aurora. 

Illum, wara ‘l fuq minn 150 sena ta’ storja mużikali, u wara 40 sena ta’ esperjenza fl-opra f’Għawdex, is-Soċjetà Filarmonika Leone u t-Teatru tal-Opra Aurora jaffermaw ruħhom bħala aġenti tal-volontarjat fil-kamp kulturali u mużikali. Huma jibqgħu jsostnu l-isforzi tagħhom sabiex joffru lill-popolazzjoni domestika żvogi alternattivi, leċiti u moralment sani. U waqt li tikkonvolġi lin-nies tagħha – mużiċisti, soċji u partitarji, is-Soċjetà Leone u t-Teatru Aurora jibqgħu jkunu aġenti ta’ kultura li jagħmlu ġieħ lil Għawdex quddiem il-poplu Malti u l-mistednin tiegħu.