Kunċert rock kbir li bidel it-teatru f’sala taż-żfin!
Kienet okkażjoni tassew sabiħa s-Sibt 15 ta’ Marzu 2025 meta s-Soċjeta Filarmonika Leone ppreżentat il-kunċert rock fit-Teatru tal-Opra Aurora mill-band Spirit of Smokie.
Oriġinari fis-snin sittin, fi Bradford fir-Renju Unit, l-ewwel formazzjoni tal-band Smokie kienet tinkludi lil Ron Kelly, Chris Norman, Alan Silson u Terry Uttley. Flimkien biegħu aktar minn 30 miljun album madwar id-dinja. Eventwalment Chris Norman għamel karriera bħala solista u sħabu komplew bil-kantant Alan Barton, li bil-vuċi u bl-enerġija tiegħu reġgħu stabbilixxew isem il-band Smokie madwar id-dinja. L-isfortuna riedet li Alan miet ħesrem f’inċident tat-traffiku fis-snin disgħin. Illum, Spirit of Smokie qed tkompli l-legat bil-kantant ewlieni jkun Dean Barton, iben Alan innifsu.
Dan kien is-suċċess u din kienet l-enerġija li dwiet fit-Teatru tal-Opra Aurora fis-serata tas-Sibt, li fetħet b’warm-up act mill-kantant u artist Ingliż Jay Spargo, f’kunċert ta’ 45 minuta bir-repertorju ta’ Bob Dylan, sakemm l-udjenza kienet dieħla ssib postha. Fit-8:30pm, imbagħad Spirit of Smokie fetħu l-kunċert brillanti tiegħu, li dam sejjer 90 minuta bla intervall; kunċert li fil-parti l-kbira tiegħu żamm lill-udjenza mhux biss bilwieqfa, iżda saħansitra fil-passaġġi, fil-kurituri u fil-galleriji, tiżfen mal-mużika ikonika. Naturalment, il-kunċert laħaq il-qofol tiegħu b’suċċessi kbar bħal Oh Carol, Wild Wild Angels, Have You Ever Seen the Rain u Living Next Door to Alice.
Spirit of Smokie kien miġjub mis-Soċjeta Filarmonika Leone bix-xewqat tajba tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Ritratti: Soċ. Fil. Leone