L-2016 tas-Soċjetà Filarmonika Leone

01. 01. 2017
Rettur Ġdid għall-Knisja ta’ Santa Luċija
04. 01. 2017
L-2016 kienet sena mimlija b’ħafna ġrajjiet u avvenimenti fil-ħajja tas-Soċjetà Filarmonika Leone u l-fergħat kollha tagħha. Il-Banda Ċittadina Leone kienet impenjata, it-Teatru Aurora xejn inqas. L-għaqdiet tal-festa ħarġu kollha bl-unuri u xejn inqas il-moviment taż-żgħażagħ u l-grupp folkloristiku tagħna. Kienet sena li fiha ftit li xejn waqafna, u hekk bi ħsiebna nkomplu ukoll fl-2017.

Is-sena mmarkat il-bidu tagħha bil-quddiesa tal-ewwel ġimgħa tax-xahar ġewwa l-Każin tal-Banda Leone, tradizzjoni li kompliet tiġi organizzata kważi kull xahar fl-2016. Jannar għadda bl-Ikla tal-Ħbieb, offruta mis-Soċjetà lill-bandisti u voluntiera attivi tagħha b’apprezzament għas-servizz sħiħ li dawn jagħtu matul is-sena u l-ġbir tat-tessera li baqa’ sejjer anki fix-xhur ta’ wara. Din is-sena, is-Soċjetà allokat il-flus kollha mid-dħul tat-tessera 2016 għall-fond tat-tieni fażi tal-proġett tal-arkivji l-ġodda. Dwar dan, l-2017 għad trid tgħidilna aktar. Sadanittant, minn wara l-kwinti kien għaddej xogħol fuq diversi avvenimenti importanti li kellna ġejjin, l-ewwel fosthom il-kunċert ta’ mużika sagra – Verba Misericordiae. Bosta laqgħu l-istedina tas-Soċjetà Filarmonika Leone għal dan il-kunċert, fejn il-Knisja Katidrali kienet mimlija b’ħafna soċji, partitarji u oħrajn li kellhom ix-xewqa li jisimgħu uħud mill-aktar siltiet ta’ mużika sagra rikka fl-arkivju tal-Banda Leone. Kienet tassew serata memorabbli u ta’ suċċess. Il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa għalina komplew f’Ħadd il-Palm, bil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u f’Ħadd il-Għid meta l-Banda Leone akkumpanjat il-manifestazzjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, għall-ewwel darba bid-daqq tal-valzi.

Mejju kien xahar preparatorju mill-aktar intensiv għaliex eżatt mal-bidu ta’ Ġunju, (fl-4 tax-xahar) il-Banda Ċittadina Leone, għad-disa’ sena konsekuttiva, tellgħet il-kunċert popolari fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk) – Leone goes pop. Il-kunċert popolarissimu kien ippreżentat minn Ben Camille u Deandra Agius u mal-Banda Leone ra l-parteċipazzjoni tal-kantanti Claudia Faniello, Brooke u Chris Gatt. Pero, fl-istess waqt, Mejju ra lit-Teatru tal-Opra Aurora impenjat f’għadd ta’ attivitajiet konnessi mal-European Opera Days. Dawn kienu jinkludu taħdita pubblika mas-Surmast Colin Attard rigward l-esperjenzi ta’ 25 sena tiegħu bħala Surmast Direttur, web conference bl-isem Theatres of the World, flimkien ma’ rappreżentanti tat-Teatru Manoel u workshops għall-istudenti tal-iskola tal-arti tal-gvern.
 
F’Lulju, is-Soċjetà Filarmonika Leone nehdiet inizjattiva ġdida ta’ Summer School mużikali għat-tfal għaż-żmien tas-sajf; inizjattiva li ġibdet l-interess ta’ bosta u għalqet fl-Settembru b’xow minn dawn it-tfal, flimkien ma’ talenti oħrajn fis-Soċjetà, fosthom aljievi, il-Kor Aurora Youth Choir, u membri tfal tal-Aurora Folk Group. Dan kien il-bidu ta’ emfasi li s-Soċjetá tat fuq l-edukazzjoni u l-formazzjoni taż-żgħażagħ u t-tfal. Anki hawnhekk, wieħed jittama li l-2017 tkompli tgħallimna aktar.

“Dan kien il-bidu ta’ emfasi li s-Soċjetá tat fuq l-edukazzjoni u l-formazzjoni taż-żgħażagħ u t-tfal. Anki hawnhekk, wieħed jittama li l-2017 tkompli tgħallimna aktar.”

Ta’ min isemmi ukoll iż-żewġ safriet li saru minn żewġ fergħat tas-Soċjetà tagħna, fejn l-Aurora Youth Movement organizzat safra lejn it-Toskana għal għoxrin żagħżugħ u żagħżugħa f’Settembru, u l-Għaqda Armar Santa Marija organizzat ġita għal aktar minn ħamsin ruħ, lejn il-Vatikan fejn kien hemm esebit il-Presepju maħdum minn Manwel Grech u membri tal-Għaqda Armar Santa Marija.
 

Sena t’Anniversarji

Intant, l-2016 ma naqsitx mill-memorji u l-anniversarji. Nhar il-31 ta’ Marzu, is-Soċjetà Filarmonika Leone fakkret il-25 Anniversarju minn meta ħatret lil Colin Attard bħala Surmast Direttur tal-Banda Ċittadina Leone. It-tieni anniversarju li ċċelebrat is-Soċjetà Leone kien is-60 Anniversarju meta l-istatwa artistika ta’ Santa Marija ġiet irregalata lill-Katidral. Għal dan l-anniversarju, is-Soċjetà fasslet programm ta’ festi fl-aħħar ġimgħa t’April. Fid-29 t’April, ġiet organizzata quddiesa pontifikali fl-apert fi Pjazza Katidral, immexxiha mill-E.T. Mons. Mario Grech li għaliha kien hemm attendenza straordinarja. Barraminhekk, is-Soċjetà organizzat Ikla tal-Festa l-Ħadd f’nofsinhar.

“Memorji ta’ 40 sena ta’ suċċessi mis-Soċjetà Leone fit-Teatru tagħha fi Triq ir-Repubblika.”

It-tielet anniversarju ċċelebrat mis-Soċjetà Leone kien l-40 Anniversarju mill-ftuħ tat-Teatru tal-Opra Aurora, liema anniversarju ġie mfakkar, flimkien mas-66 anniversarju mill-proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunta, bil-Kunċert Annwali nhar is-26 ta’ Novembru. Bosta attendew dan il-kunċert wara l-għajta li dan kien se jkun kunċert li se jqanqal il-memorji: memorji ta’ 40 sena ta’ suċċessi mis-Soċjetà Leone fit-Teatru tagħha fi Triq ir-Repubblika. Ma kien hemm l-ebda diżappunt għaliex verament il-Banda Leone kellha udjenza sabiħa quddiemha. Biss biss, mijiet kienu dawk li sa minn qabel irriservaw il-postijiet, apparti l-oħrajn li mingħajr pre-avviż, ġew isegwu s-serata. Dan kollu apparti l-produzzjoni suċċess tal-opra Carmen nhar il-15 t’Ottubru quddiem sala mibjugħa kollha – produzzjoni li kisbet kritika mill-aqwa.
 

Festa Santa Marija 

Ma’ dan kollu ma nistgħux inħallu barra l-festi ta’ Santa Marija. Kien straordinarju l-volum tan-nies li ġew mmobilizzati fil-festi ta’ Santa Marija, sewwa fil-Katidral u sewwa fit-toroq. Fost affarijiet oħra kellna okkażjoni ta’ saċerdot novell Massimo Buttigieg, kellna l-ikla tal-festa fi Pjazza Indipendenza (It-Tokk) u l-programm mużikali quddiem il-każin, bil-parteċipazzjoni tal-Banda Ċittadina Leone. L-aħħar ġranet tal-festa komplew iżidu ma’ dak li għalih hija rinomata tant il-festa ta’ Santa Marija – l-organizzazzjoni u l-finezza ta’ dak kollu offrut, ibda mill-mod ta’ kif jimxu l-marċi brijużi bis-sorpriżi u l-ispettakli, sal-mod li bih tiġi organizzata l-purċissjoni solenni ta’ Santa Marija. Fost in-novitajiet din is-sena kellna t-3D mapping mal-faċċata tal-każin fi tmiem il-marċ ta’ Gedrin bit-temi predominanti jkunu l-40 anniversarju tal-ftuħ tal-każin tagħna u t-Teatru tal-Opra Aurora u s-60 anniversarju mill-għoti tal-vara ta’ Santa Marija lill-Katidral ta’ Għawdex. Dawk kollha li kienu preżenti, kienu xhieda għal biċċa xogħol mill-aktar mirquma mis-Sezzjoni Briju Santa Marija.
Kellna waħda mill-aktar dimostrazzjonijiet (13 t’Awwissu) ippopolati, segwita minn spettaklu sħiħ ta’ nar tal-ajru. U kollox kompla jikkonsolida ruħu f’dak li hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa marċijiet brijużi ta’ lejliet il-festa li ġie organizzat għall-festa ta’ Santa Marija. Il-marċ beda b’xow tan-nar mis-Sezzjoni Briju Santa Marija minn fuq il-Każin tal-Banda Leone, xow li tat spinta qawwija għall-briju, u bil-Banda Ċittadina Leone akkumpanjata mill-Banda San Sebastjan tas-Soċjetà Filarmonika Pinto, baqgħu telgħin sa Pjazza Savina, wara li fi Pjazza Indipendenza ntwera servizz awdjo-viżiv mill-isbaħ. Għal sena oħra, il-marċ ta’ filgħodu ta’ nhar Santa Marija kompla jisraq l-attenzjoni fost il-marċi kollha ta’ filgħodu tal-festi Maltin hekk kif xeni minnu għadhom sal-lum stess jiċċirkulaw fuq l-internet minn dilettanti tal-festi Maltin. Marċ wara ieħor, ġurnata wara oħra, ma setgħux għalhekk ma jwasslux għal qofol mill-aktar solenni u ta’ suċċess. L-ingredjenti – dejjem stabbli, dejjem konsistenti imma dejjem friski u raffinati reġgħu għal sena oħra għamlu mill-purċissjoni ta’ Santa Marija ta’ Għawdex mument mill-ogħla li ħadd m’għandu jitlef. Il-vara ta’ Santa Marija, il-faċċata tal-Katidral, l-innu l-kbir u l-marċi tal-Banda Leone, il-laqgħa tas-sorijiet Franġiskani, l-ispettaklu singulari tan-nar u d-dħul solenni tal-purċissjoni bil-barka sagramentali fil-beraħ.

“L-ingredjenti … friski u raffinati reġgħu għal sena oħra għamlu mill-purċissjoni ta’ Santa Marija ta’ Għawdex mument mill-ogħla li ħadd m’għandu jitlef.”

Kienet festa fejn il-parroċċa ħasset in-nuqqas tal-Arċipriet Ġużepp Attard li ftit ġimgħat biss qabel kellu jittieħed rikoverat minħabba inċident li seta’ kellu konsegwenzi agħar. Kienet festa, iżda, li għaqqdet l-elementi kollha flimkien, u bl-Arċipriet fil-ħsieb u fit-talb tal-komunità, taħt it-tmexxija tal-Amministratur Parrokkjali Mons. Tarcisio Camilleri kellha eżitu tassew seren u feliċi.
 

Għeluq

Din kienet is-sena għas-Soċjetà Filarmonika Leone – jew ejja ngħidu parti minnha. Ħjiel minnha. Biss biss il-Banda Leone kellha s-servizzi soliti tagħha fl-irħula, inkluż San Ġwann Bosco, il-Madonna tal-Grazzja u Santa Luċija. Kellna wkoll is-servizz ta’ Santa Ċeċilja mill-Katidral sal-każin. Kellna għadd ta’ laqgħat – interni u ma’ persuni u delegazzjonijiet barranin, apparti l-ħidma l-oħra fi ħdan il-fergħat li impossibbli nagħtu rendikont kollu tagħha. Kienet sena ta’ ħidma kontinwa anki f’dik li hija amministrazzjoni – amministrazzjoni ta’ sistemi, ta’ finanzi, ta’ nies, ta’ fergħat; diskussjonijiet u trattattivi ma’ entitajiet korporattivi u governattivi.
Fl-aħħar mill-aħħar, jekk ikollna niġbru din is-sena fi tliet punti, l-ewwel u qabel kollox irridu ngħidu li kienet sena li ma ħallietna nistrieħu qatt. Irridu ngħidu ukoll li kienet sena li għalmitna ħafna. Kienet learning curve għal kull min medd idejh għax-xogħol. U fl-aħħar mill-aħħar, kienet sena li ppermettitilna nqiegħdu l-pedamenti għal ħafna affarijiet oħra biex din is-sena nkomplu nibnu fuqhom, bis-saħħa tal-ħidma kollettiva.