Il-programm mużikali li jkun parti mill-programm ta’ festivitajiet organizzati mis-Soċjetà Filarmonika Leone ad unur ta’ Santa Marija Assunta, jew aktar magħruf bħala l-Kunċert tal-Festa, sar nhar l-Erbgħa 9 t’Awwissu 2017. Dan il-programm mużikali, bil-parteċipazzjoni tal-Banda Ċittadina Leone, ittella’ fi Triq ir-Repubblika, eżattament quddiem il-Każin tal-Banda Leone.
F’dan il-programm ġew esegwiti siltiet mużikali ta’ diversi ġeneri, fosthom siltiet klassiċi u siltiet meħudin minn films. Fost ix-xogħlijiet varji, il-Banda Ċittadina Leone, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Colin Attard, esegwiet l-Innu l-Kbir ‘Per la Festa di Maria Assunta in Cielo‘ (1913) tas-Surmast Orlando Crescimanno, bis-sehem ukoll tal-baritonu Alfred Camilleri, tat-tenur Charles Vincenti u tal-Aurora Youth Choir.
F’dan il-programm mużikali, il-Banda Ċittadina Leone laqgħet fi ħdanha żewġ bandisti ġodda, li kienu aljievi tal-istess banda. Fl-istess okkażjoni, Salvu Grech (ix-Xuxi), fundatur tal-Vampa Organisations, ġie maħtur membru għal għomru tas-Soċjetà Filarmonika Leone, flimkien ma’ ringrazzjament lil Mons. Ġużeppi Attard li serva bħala Arċipriet tal-Katidral u Mons. Tarcisio Camilleri li serva bħala Amministratur tal-Katidral għal diversi xhur. Wara ingħatat merħba lill-Arċipriet tal-Katidral maħtur din is-sena, Mons. Joseph Sultana. Apparti minn hekk, ġie rikonoxxut is-sehem ta’ diversi membri tal-Għaqda Armar Santa Marija fil-presepju Malti fil-pjazza tal-Vatikan.