Jaf min jaf, illum sebaħ il-jum tat-63 anniversarju minn ġrajja li ħalliet impatt straordinarju fuq Soċjetà, fuq Parroċċa, fuq Djoċesi, fuq komunità u soċjetà sħiħa – il-jum li ssiġilla rabta dejjiema bejn is-Soċjetà Leone u l-Katidral ta’ Għawdex u l-jum li għammed mill-ġdid lill-festa ta’ Santa Marija t’Għawdex biex hi kif inhi llum il-ġurnata.
Id-29 t’April huwa jum nostalġiku mmens. Nostalġiku fis-sens litterali għall-Viċi-President Anzjan Dwardu Grech li huwa l-uniku membru li fadal mill-kumitat li fl-1956 issiġilla l-għotja ta’ Santa Marija lill-Katidral. Huwa nostalġiku għal kull min kien ħaj u preżenti dakinhar tad-29 t’April 1956 u għadu jġorr f’qalbu l-memorja vivida; dawk kollha li għadhom jiftakru eżatt il-mument u l-post minn fejn għall-ewwel darba raw il-profil grazzjuż ta’ Santa Marija dieħel ‘il ġewwa mis-swar taċ-Ċittadella.
Imma d-29 t’April huwa fuq kollox jum ta’ ċelebrazzjoni ħajja. Hemm żewġ entitajiet – il-Katidral ta’ Għawdex u s-Soċjetà Leone, li fid-29 t’April bħal issiġillaw rabta ta’ bejn koppja, u ta’ kull sena, ikunu mħeġġa biex jiċċelebraw l-anniversarju tagħhom. Ir-rabta bejn il-parroċċa u l-każin tal-banda Leone seħħet b’għotja partikolari; l-għotja tal-vara wisq maħbuba ta’ Santa Marija Assunta. Dakinhar, is-Soċjetà Leone ċċaħdet minn din il-vara. Iċċaħdet mhux għaliex abbandunata, imma ċċaħdet biex ħallietha f’post aktar dinjituż u dekoruż. Mal-għotja tal-vara, is-Soċjetà Leone offriet ruħha u d-disponibilità assoluta tagħha għal dak kollu li huwa tal-Katidral. Ma’ din l-għotja, is-Soċjetà kisbet dritt wieħed onorifiċenti. Is-Soċjetà Leone diġà kellha d-dritt esklussiv, ikkonfermat u ddikjarat sabiex torganizza l-festi esterni ta’ Santa Marija (mogħti mill-Isqof Camilleri fl-1896) imma issa, fl-1956, kompliet għolliet il-ġieħ ta’ dan id-dritt esklussiv u inkurunatu bid-dritt ta’ purċissjoni titulari pontifikali fil-15 t’Awwissu filgħaxija b’din il-vara ta’ Santa Marija bis-sehem esklussiv tal-Banda Ċittadina Leone.
Illum, għalhekk, kull min ibaqbaq fil-vini tiegħu d-demm tal-Ljun – id-demm ta’ parruċċan tal-Katidral – iħoss li jrid jgħajjat b’leħen għoli li llum hija ġurnata solenni. Illum hija l-ġurnata fejn naffermaw li ma tistax tkun iljun u mhux tal-Katidral kif ma tistax tkun tal-Katidral u ma tkunx iljun.
Illum hija l-ġurnata fejn inroddu ħajr lil Alla u nfakkru lil xulxin li l-15 t’Awwissu hu kif inhu – bil-purċissjoni filgħaxija, bil-vara, u b’tal-Ljun – mhux għax hekk kien minn dejjem, imma għax hekk ġie mirbuħ u akkwistat minn missirijietna.
Illum hija l-ġurnata fejn inroddu ħajr lil Alla u nfakkru lilna nfusna li nidħlu fil-Katidral qisna dħalna d-dar, u nsibu lil Santa Marija qisna sibna lil ommna mhux għax hekk kien minn dejjem, imma għax hekk ġie mirbuħ u akkwistat minn missirijietna.
Għalhekk, iva, illum hija l-ġurnata fejn inħarsu madwarna u nroddu ħajr lil Alla u lil Santa Marija. Niltaqgħu fil-Katidral għaċ-ċelebrazzjoni tat-tifkira quddiem l-istatwa ta’ Santa Marija fis-7:15pm. Konċelebrazzjoni solenni minn Mons Arcipriet Joseph Sultana u bis-sehem tal-Kapitlu Katidral, il-Banda Cittadina Leone u l-Aurora Youth Choir.
Viva Santa Marija!