F’jum il-Festa tal-Immakulata

08. 12. 2017
Elezzjoni: Sejħa għall-Kandidati
07. 12. 2017
Elezzjoni: Listi tal-Kandidati
16. 12. 2017

Illum it-8 ta’ Diċembru, il-Knisja Mqaddsa Kattolika tiċċelebra s-solennità tat-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija Omm Alla – Marija Immakulata.

Il-festa tal-Kunċizzjoni kif inhi aktar magħrufa fil-Gżejjer Maltin, hija waħda mit-tliet festi dommatiċi Marjani. Hija d-domma pproklamata fl-1854 mill-Papa Piju IX, li sa mit-tnissil tagħha, ir-ruħ ta’ Marija Omm Alla ma kienet qatt suġġetta għad-dnub.

 

Il-Festa tal-Immakulata f’Għawdex

Fil-Katidral ta’ Għawdex, din il-festa tiġi mmarkata b’Pontifikal solenni mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech u l-W.R. Kapitlu Katidrali. Il-festa, bħala domma tal-fidi u verità Marjana mill-ikbar, hija bħal dik tal-Assunta, iċċelebrata madwar id-dinja Kattolika kollha.

Fil-Belt Victoria, il-komunità tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tiċċelebra l-festa lill-Immakulata hekk kif il-Kunċizzjoni kienet magħżulha mill-fundatur, San Franġisk t’Assisi, bħala l-patruna u protettriċi tal-ordni tiegħu. Għalhekk, bħall-kunventi kollha u knejjes kollha tal-Franġiskani, illum hija festa speċjali tal-Patruna tal-Franġiskani. L-Immakulata hija wkoll it-titular tal-parroċċa l-antika tan-Nadur/Qala, li tradizzjonalment kienet magħrufa bħala Santa Marija tal-Qala. Hawnhekk ukoll għadha ssir il-festa tagħha b’tant devozzjoni.

Il-Kunċizzjoni għadha sal-lum waħda mill-ftit festi flimkien ma’ San Pietru u San Pawl, il-Vitorja u Santa Marija li jiġu ċċelebrati fil-jum propju tagħhom. Il-Franġiskani jorganizzawlha l-festi esterni fuq jumejn – lejlet il-festa u nharha bil-purċissjoni solenni b’vara tassew sabiħa.

 

Marija Immakulata – Festa tal-Avvent

Id-data tat-8 ta’ Diċembru hija sinjifikattiva għaliex tiġi 9 xhur qabel it-8 ta’ Settembru meta niċċelebraw it-twelid tal-Madonna. It-8 ta’ Diċembru ilha timmarka l-festa tal-immakulat konċepiment tal-Madonna sa mill-ewwel sekli. Iżda, hija sinjifikattiva aktar għall-fatt li tiġi fi żmien l-Avvent, meta l-Knisja Kattolika qed tħejji ruħha għat-twelid ta’ Ġesú. Dan għaliex, il-fatt li Marija ġiet imnissla mingħajr id-dnub tan-nisel, jew inkella, il-fatt li Marija ma rat qatt it-tebgħa tad-dnub, anqas fit-tnissil tagħha, kien proprju l-bidu tal-Avvent għall-miġja ta’ Ġesú. Kien dak l-ewwel mument, illi d-dinja bdiet tħejji ruħha għall-miġja ta’ Kristu, meta Marija, għaliex kellha tkun Omm Alla, allura ġiet imnissla mhux taħt il-jasar tad-dnub. Il-proġett ta’ Alla għal Marija beda bla mittiefes hawnhekk, fl-Immakulat Konċepiment tagħha, kompla bit-twelid glorjuż tagħha, żviluppa bil-misteru tat-tħabbira u t-twelid ta’ Kristu, issaffa bis-sehem tagħha fil-passjoni ta’ Kristu u twassal għall-glorja bit-tlugħ tagħha fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem biex hekk, la kienet suġġetta għad-dnub fit-tnissil tagħha, u lanqas għall-effetti tiegħu wara l-mewt.

 

Il-Festa t-Tajba!

Għalhekk din tal-lum hija festa mill-ikbar ad unur Sidtna Marija. Hija okkażjoni ta’ ferħ għad-devoti Marjani kollha, mhux l-inqas għas-Soċjetá Filarmonika Leone li mmotivata mid-devozzjoni u l-imħabba Marjana, rabtet isimha u l-istorja tagħha mal-iżvilupp tal-festi tal-Assunta fil-15 t’Awwissu. Din tal-lum għalhekk, hija okkażjoni fejn nifirħu aħna, iżda fuq kollox, induru lejn min hu tal-festa għaliex fi ħdan il-Komunità Franġiskana tal-Belt Victoria qed jiċċelebralha l-festa, u l-istess bħalna, jagħmel sena, iħares lejha, u qabel kull isem ieħor, isejjaħ b’imħabba liema bħalha – Tota Pulchra Est Maria / Kollok Sabiħa Int Marija.

F’din l-okkażjoni, delegazzjoni mill-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika Leone onorat l-istedina tal-Komunità Franġiskana tal-Belt Victoria u ingħaqdet magħha fil-Pontifikal Solenni aktar kmieni illum.