Il-Purċis21 t’April 2025 – il-funeral tal-eks-President Ġiġi Xuereb, titħabbar il-mewt tal-Papa Franġiskusjoni tal-Ġimgħa l-Kbira
Daqslikieku l-ġurnata tal-21 t’April 2025, minkejja li hija t-Tnejn fuq l-Għid il-Kbir, ma kinitx kiebja biżżejjed, bit-temp skur, riħ qawwi u qtar ta’ xita, u bil-bandiera mezz’asta f’jum il-funeral tal-eks-President Ġiġi Xuereb, din kompliet titqal bl-aħbar tal-mewt tal-Papa Franġisku, fl-età ta’ 88 sena.
Il-mewt ta’ Papa Franġisku kienet fl-aħbarijiet ftit ġranet u ġimgħat ilu wara li l-Papa kien rikoverat fit-tul fl-isptar. Iżda, wara li kien intbagħat id-dar fejn jgħix, f’Casa Santa Marta, u ftit dehriet sorpriża, id-dinja kienet qisha qiegħda tidra li d-dehra tal-Papa mxejjaħ u fraġli kienet se tibda ttul magħna. L-aħħar dehra, filfatt, ilbieraħ f’Ħadd il-Għid, minkejja li ma kinitx xi dehra fit-tul, kompliet qisha tagħti t-tama. Iżda dalgħodu, il-Vatikan ħabbar il-mewt, allura mhix daqstant mistennija fiċ-ċirkostanzi, tal-Papa Franġisku.
Franġisku, kien elett suċċessur ta’ Benedittu XVI fit-13 ta’ Marzu 2013. Huwa mwieled Jorge Mario Bergoglio fl-Arġentina. Kien żar lil Malta u Għawdex fit-2 u 3 t’April 2022 – żjara li kienet ġiet posposta minħabba l-pandemija tal-COVID-19. F’Għawdex, Papa Franġisku kien għadda minn quddiem il-Każin tal-Banda Leone fi triqtu lejn is-Santwarju Ta’ Pinu fejn kellu ċelebrazzjoni mal-poplu Għawdxi. Għal dik l-okkażjoni, is-Soċjetà ħarġet il-vara ta’ Santa Marija fil-bieb waqt li l-Aurora Youth Choir sellimlu bil-kant mill-gallerija tal-każin.
Aktar kmieni, fl-2017, kienu l-membri tal-Għaqda Armar Santa Marija li ramaw fil-pjazza tal-Vatikan il-presepju Malti – l-ewwel presepju magħmul minn persuni mhux Taljani f’din il-pjazza ewlenija. Papa Franġisku kien iltaqa’ man-nies tagħna u anki talab fuq dan il-presepju, li wara ġie armat anki fil-Pjazza tal-Maxtura f’Betlehem.
Papa Franġisku miet fis-sena tal-Ġublew Ordinarju 2025 li huwa ddedika lit-Tama.
Iżda, sadanittant, is-Soċjetà Filarmonika Leone llum tinsab lesta sabiex tagħti l-aħħar tislima tagħha lill-eks-President u President Onorarju Ġiġi Xuereb, imwieled fl-1931, li għadda għal ħajja oħra nhar it-Tnejn li għadda, bħal-lum ġimgħa, l-14 t’April 2025.
Il-funeral tiegħu jsir illum fil-Katidral ta’ Għawdex. Fit-3:30pm, il-Banda Ċittadina Leone tilqa’ l-fdalijiet tas-Sur Xuereb quddiem daru u quddiem il-Każin tal-Banda u ssellimlu bl-innu tal-banda, Il Leone. Imbagħad takkumpanja l-korteo funebri bid-daqq tal-marċi funebri matul Triq ir-Repubblika, Pjazza Indipendenza u t-Telgħa tal-Belt. Il-quddiesa tal-funeral issir fil-Katidral ta’ Għawdex fl-4:30pm.
Lil Ġiġi Xuereb, u lill-Papa Franġisku,
jagħtihom il-Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem
u tilqagħhom fi ħdanha l-Verġni Marija, Omm it-Tama.