Il-ġimgħa tad-29 t’April u l-opra tal-Gaulitanus

PRO
27. 04. 2025
Photo Album: Purċissjoni Ġimgħa l-Kbira
25. 04. 2025
Id-29 t’April; tifkira dejjem imġedda
29. 04. 2025

Nhar it-Tlieta, id-69 anniversarju tad-donazzjoni ta’ Santa Marija

Dħalna issa fil-ġimgħa tad-29 t’April – id-data storika u għażiża għas-Soċjetà Filarmonika Leone, meta fl-1956 irnexxielha tafferma postha, permezz ta’ din il-vara devota tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija, fil-Katidral ta’ Għawdex u l-parroċċa tiegħu. Id-data tad-29 t’April hija għażiża b’mod superlattiv, u ta’ kull sena tkun iċċelebrata b’bosta attivitajiet. Hekk ukoll din is-sena, anki jekk il-programm kellu jara xi tibdil.

Fil-bidu kien maħsub li din is-sena, id-donazzjoni tal-vara ta’ Santa Marija tiġi ċċelebrata b’quddiesa solenni bis-sehem tal-Banda Leone llum il-Ħadd fl-10am fil-Katidral ta’ Għawdex, segwita minn marċ mill-Banda Leone mill-Katidral sal-Każin. Iżda kif ġraw l-affarijiet, bil-mewt mhix mistennija ta’ Papa Franġisku, it-Tnejn li għadda, u bil-funeral tiegħu li sar ilbieraħ, kien xieraq u propizju li dawn it-tip ta’ ċelebrazzjonijiet esterni jitħassru, jew jiġu modifikati.

Għalhekk, illum il-Ħadd inżammet biss l-ikla tal-festa – ikla f’nofsinhar fil-Każin tal-Banda Leone, li għaliha nġabru mal-150 ruħ. Din kienet organizzata mill-fergħa tal-briju – Żgħażagħ Iljuni, b’servizz ta’ ikel mill-Blue Lion Gastro.

Il-programm issa jkompli bil-kunċert tal-alljievi għada t-Tnejn fil-5:30pm fis-Sala tal-Kunċerti ’29 t’April 1956’, u mbagħad attività għat-tfal. It-Tlieta, imbagħad, il-jum proprju tal-anniversarju storiku, il-Leone Youth Ensemble flimkien mal-Aurora Youth Choir jieħdu sehem fil-quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr, li tkun fis-7pm. Għal din l-okkażjoni, l-istatwa ta’ Santa Marija diġà nħarġet min-niċċa u tinsab għall-qima fil-korsija fejn tkun fi żmien il-festa, faċċata tal-vara ta’ Kristu Rxoxt. Hekk ikompli jitkattar il-ferħ tal-misteru tal-Għid il-Kbir, bil-qawmien ta’ Kristu jikseb dehera viżwali li dak li hu ta’ Kristu huwa wkoll tagħna r-razza tal-umani, l-ewwel fostna, il-Verġni Marija.


U nhar is-Sibt l-opra tal-Gaulitana Festival: Nabucco

Intant, l-attività fil-każin tagħna bħalissa tikseb ukoll momentum miżjud hekk kif it-Teatru tal-Opra Aurora jinsab mikri lill-kor Gaulitanus u l-festival Gaulitana, li nhar is-Sibt li ġej jippreżenta l-opra popolari ta’ Giuseppe Verdi ‘Nabucco’.

L-attività, li tinvolvi anki nies viċin tas-Soċjetà Leone, tikkonċentra ruħha kemm fil-vestwarju, operat fis-Sala Adrian Agius, u daqstant ieħor fit-teatru hekk kif matul din il-ġimgħa kien hawn il-provi mużikali u ta’ reġija għall-kor u f’dawn il-ġranet waslu wkoll il-kantanti primarji minn barra. Il-kors tal-provi, kif soltu jsir, issa f’din l-aħħar ġimgħa jibda jagħqad hekk kif tiġi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

L-opra Nabucco se tiġi ppreżentata nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju 2025 fit-Teatru tal-Opra Aurora fis-7:30pm. Jidderieġi Colin Attard.