Id-69 anniversarju mid-donazzjoni tal-istatwa ta’ Santa Marija
Sebaħ id-29 t’April – 69 sena minn meta s-Soċjetá Filarmonika Leone telgħet għall-ewwel darba bil-vara ta’ Santa Marija fil-Katidral ta’ Għawdex. Hemm ħallietha b’rigal, u magħha ħalliet qalbha, fejn hemm għadha sal-lum il-ġurnata. Iva, il-ġrajja tad-29 t’April 1956 hija ġrajja li tibqa’ tiġġedded ta’ kuljum, ma kull taħbita li qalb is-Soċjetà Leone u l-membri tagħha tħabbat għall-parroċċa u l-knisja ewlenija tal-Għawdxin.
Sa qabel l-1955
Min mhuwiex tal-post isibha bi tqila biex jifhem. Sitwazzjoni ta’ parroċċa waħda fir-Rabat – sal-1955 il-parroċċa tal-Katidral, b’ħafna mill-ħajja parrokkjali ddelegata lill-knisja ta’ San Ġorġ. F’din is-sitwazzjoni ta’ parroċċa waħda fuq, bin-nies servuta mill-knisja t’isfel, issib żewġ baned; waħda f’San Ġorġ bil-festa ta’ San Ġorġ stess, u l-oħra f’San Ġorġ ukoll, iżda bil-festa ta’ Santa Marija – festa, li minkejja u minħabba t-tradizzjoni antikissima tagħha mitlufa fl-annali, baqgħet b’purċissjoni kapitulari filgħodu mingħajr banda u mingħajr vara.
Kienet sitwazzjoni fejn iż-żewġ baned tar-Rabat kienu, biex ngħidu hekk, jirrisjedu f’San Ġorġ, u fil-Katidral ma kien ipoġġi ħadd. Is-sitwazzjoni bdiet tinbidel fl-1954 meta wara l-festa ta’ San Mikiel f’Settembru, il-Banda Leone għamlitha ċara li d-destin tagħha kellu jinkiteb xorta oħra. F’Awwissu 1955, il-knisja t’isfel, ta’ San Ġorġ, ħarġet mill-parroċċa tal-Katidral u saret parroċċa għaliha, u hekk it-triq ġiet aktar u aktar spjegata. Min jagħmel il-festa ta’ San Ġorġ sab post naturali fil-parroċċa ddedikata lilu. Kienet il-Banda Leone li tagħmel il-festa ta’ Santa Marija li kien fadlilha ssib post simili, għalkemm aktar dinjituż irridu ngħidu, fil-parroċċa ddedikata lilha, allura l-Katidral ta’ Għawdex.
Il-ġrajja storika tad-29 t’April 1956
Dan il-post instab u waslu għalih f’din il-ġurnata storika, id-29 t’April 1956. Il-qofol intlaħaq bi ftehim li l-Isqof Ġużeppi Pace għamel mas-Soċjetà Filarmonika Leone; ftehim li permezz tiegħu, il-vara devota tal-Assunta ġiet milqugħa b’għotja fil-Katidral ta’ Għawdex, u b’konsegwenza ta’ hekk, il-festa ta’ Santa Marija fil-15 t’Awwissu kellha tibda ssir b’purċissjoni pontifikali filgħaxija bil-vara devota u bl-akkumpanjament esklussiv tal-Banda Ċittadina Leone.
L-effett ta’ dan kien qawmien spiritwali ġdid għall-parroċċa tal-Katidral, għaliex issa mhux aktar parroċċa bil-parruċċani tagħha jisservew minn knisja oħra filjali, iżda parroċċa b’niesha f’darha; bi programm pastorali għaliha li jitwettaq minnha, b’uffiċċju parrokkjali għaliha, b’komunità madwarha, għaliha u fiha, u ewlenija fuq quddiem kienet is-Soċjetà Filarmonika Leone bl-enerġija tagħha, kif għadha llum.
Huwa għalhekk tassew minnu kif jgħidu li m’hemmx 15 t’Awwissu kif nafuh illum mingħajr id-29 t’April, kif m’hemmx parroċċa tal-Katidral kif nafuha llum mingħajr id-29 t’April. U huwa proprju għal dawn ir-raġunijiet li d-29 t’April jibqa’ jum ta’ radd il-ħajr, u f’ċertu sens il-jum li jiftaħ l-istaġun tal-festa ta’ Santa Marija. Minn hawn invaraw it-triq tal-15-il Erbgħa ta’ Santa Marija, u kif l-Għid ta’ Kristu jibda bil-preparazzjoni remota tar-Randan Imqaddes, hekk aħna niftħu u nqaddsu l-mixja tagħna lejn l-Għid tal-Assunta bil-15-il Erbgħa ta’ Santa Marija li jibdew bħala għada ġimgħa, u t-tifkira mġedda tad-29 t’April illum.
Illejla, quddiesa solenni fil-Katidral ta’ Għawdex fis-7pm bis-sehem tal-Leone Youth Ensemble, l-Aurora Youth Choir u l-Komunità Parrokkjali tal-Katidral.