Iċċelebrajna kif jixraq

02. 05. 2019
ed
Illum huwa l-Jum!
29. 04. 2019
Kunċert Sinfoniku Ċelebri ta’ Suċċess
18. 11. 2019

Bejn is-Sibt 27 t’April u l-Erbgħa 1 ta’ Mejju, is-Soċjetà Filarmonika Leone b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa tal-Katidral, iċċelebrat u fakkret kif jixraq il-ġrajja tad-29 t’April 1956.

Hemm żewġ entitajiet – il-Katidral ta’ Għawdex u s-Soċjetà Leone, li fid-29 t’April bħal issiġillaw rabta ta’ bejn koppja, u ta’ kull sena, ikunu mħeġġa biex jiċċelebraw l-anniversarju tagħhom. Ir-rabta bejn il-parroċċa u l-każin tal-Banda Leone seħħet b’għotja partikolari; l-għotja tal-vara wisq maħbuba ta’ Santa Marija Assunta.

B’mod ġubilari, dawn iż-żewġ entitajiet iċċelebraw it-Tifkira tad-29 t’April 1956: il-jum li fih, bid-determinazzjoni ta’ missirijietna, seħħet ġrajja li ftit wieħed seta’ jemmen li qatt setgħet issir qabel. Bl-għotja tal-istatwa ta’ Santa Marija, li għas-Soċjetà Leone kienet qisha l-ikbar ġojjel tagħha, is-Soċjetà ma tilfitx, iżda rebħet aktar – rebħet rabta dejjiema li ttrasformat it-tessut soċjali u spiritwali tal-Belt Victoria u l-Gżira Għawdxija. 

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienu jinkludu diversi attivitajiet, kemm fil-Katidral t’Għawdex, kif ukoll fil-Każin tal-Banda Leone u Teatru tal-Opra Aurora.

 

 

 

Open-Day fil-Każin tal-Banda Leone

Nhar is-Sibt 27 t’April ġiet organizzata Open-Day fil-Każin tal-Banda Leone. Fid-9AM il-President Dr Michael Caruana, l-Arċipriet Mons Joseph Sultana, u membri tal-Kumitat Ċentrali tas-Soċjetà, fetħu din l-Open-Day bit-Tberik tal-Għid tal-Każin tal-Banda Leone u tat-Teatru tal-Opra Aurora. 

Il-ġurnata fil-Każin tal-Banda Leone segwiet b’sensiela ta’ sessjonijiet mużikali fis-Sala 29 t’April 1956. L-ewwel fosthom saru Masterclasses għall-Bandisti tar-Ram mis-Sur Alex Bezzina, dawk tal-Qasba mis-Sur Michael Pirotta u finalment għall-dawk tal-Percussion mis-Sur Michael Camilleri. Dawn il-Masterclasses kellhom l-għan li l-Bandisti u anke studenti, jiffukaw l-istudji mużikali tagħhom aktar fuq it-teknika. 

 

 

Wara nofsinhar, imbagħad, ġew organizzati żewġ sessjonijiet mużikali immirati għat-tfal. L-ewwel sessjoni ‘Peter and the Wolf‘ kienet tikkonsisti fi storja akkumpanjata mal-mużika, bil-għan li t-tfal ta bejn 3 u 6 snin japprezzaw il-mużika, b’mod speċjali l-ħsejjes differenti li jagħmlu strumenti differenti, u li l-mużika tista tesprimi dak li wieħed qed iħoss jew dak li jkun qed jiġri fl-istorja. Dawn it-tfal setgħu wkoll jikkrejaw strumenti tagħhom, li bihom ingħaqdu mal-Bandisti żgħażagħ tal-Banda Leone li daqqew kanzunetti popolari tat-tfal. Din is-sessjoni kienet immexxija mis-Sinjura Helga Vella. Fit-tieni sessjoni għal tfal bejn 7 u 11-il sena, il-Bandisti Żgħażagħ tal-Banda Leone daqqew diversi siltiet mużikali popolari sabiex jispjegaw kif strumenti differenti jistgħu joħolqu melodiji differenti. Kien hemm tfal li ngħaqdu maż-żgħażagħ fid-daqq tal-mużika, u oħrajn li ppruvaw ukoll jidderigu lill-grupp fid-daqq tal-mużika. 

Matul il-ġurnata, grupp ta’ żgħażagħ mill-Aurora Youth Movement organizzaw Bake-Sale quddiem il-Każin tal-Banda Leone. Filgħaxija, il-kumpanija nazzjonali taż-żfin ŻfinMalta organizzat spettaklu taż-żfin fit-Teatru tal-Opra Aurora. Aktar tard, ġie organizzat il-Gathering tal-Festa, fejn diversi żgħażagħ iltaqgħu fil-Każin tal-Banda Leone f’ambjent festiv. 

 

 
 

Quddiesa għat-tfal

Nhar il-Ħadd 28 t’April ġiet organizzata mill-Parroċċa tal-Katidral, il-Quddiesa tal-Ħadd għat-tfal li ssir kull nhar ta’ Ħadd fl-10:30am – din id-darba, fl-okkażjoni tal-Festi tad-29 t’April. B’attendenza numeruża u mill-isbaħ, din il-quddiesa saret quddiem ix-xbiha ta’ Santa Marija u saret bis-sehem tal-Arċipriet Mons Joseph Sultana u l-Viċi-parroku Dun Daniel Sultana, bl-animazzjoni mill-Aurora Youth Choir.

 

 

Fi tmiem il-quddiesa, il-President Dr Michael Caruana u s-Segretarju Thomas Bajada, flimkien mal-Arċipriet u l-Viċi, qassmu tifkira lit-tfal kollha preżenti għall-quddiesa li kienet tikkonsisti f’poster kbir b’ritratt ta’ Santa Marija quddiem il-Katidral, flimkien ma’ figolla żgħira bl-emblema tas-Soċjeta’ magħmula min-nisa tal-Parroċċa u ż-żgħażagħ tal-Aurora Youth Movement.

 

 

It-Tifkira tad-29 t’April

Nhar it-Tnejn 29 t’April ġiet organizzata l-Quddiesa tat-Tifkira tal-Ġrajja tad-29 t’April 1956 fil-Katidral t’Għawdex. B’attendenza mill-isbaħ, il-konċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċipriet Mons Joseph Sultana, kienet bis-sehem tal-Banda Ċittadina Leone u l-kor Aurora Youth Choir.

Din hija l-ġurnata fejn inroddu ħajr lil Alla u nfakkru lilna nfusna li nidħlu fil-Katidral qisna dħalna d-dar, u nsibu lil Santa Marija qisna sibna lil ommna mhux għax hekk kien minn dejjem, imma għax hekk ġie mirbuħ u akkwistat minn missirijietna. Nirringrazzjaw lil Santa Marija u nitolbuha żżomm idejha fuqna, minn ġol-maqdes Matriċi li fih aħna tellajniha u li għal 63 sena sħaħ ħdimna biex ikun is-Santwarju ta’ imħabba lejn il-Patruna Speċjali tal-Gżejjer Maltin.

 

 

L-Arċipriet, fil-priedka tiegħu, tkellem dwar ir-rabta bejn il-Parroċċa u s-Soċjetà, liema rabta ssiġillat ruħha bil-ġrajja tad-29 t’April. Tkellem ukoll dwar l-isfidi eżistenti u dwar il-ħidma tal-Parroċċa f’dan l-ambitu. Issemma’ wkoll l-irwol tas-Soċjetà f’dan kollu u kif is-Soċjetà kienet dejjem tidħol għall-bżonnijiet tal-Parroċċa, flimkien ma’ diversi oħrajn. 

Flimkien mal-offerti ttellgħu simboli tal-Banda Leone, li kienet hi li wasslet l-Istatwa ta’ Santa Marija mill-Każin tagħha sal-Katidral tal-Assunta. Fost l-oħrajn ittella’ l-istandard l-antik, beritta tal-Banda u strument antik. Il-Quddiesa ntemmet bil-Warda Sbejħa fir-Rebbiegħa.

 

 

Aktar tard mal-lejl, ħarġet l-aħbar li ħalla din id-dinja Vincent Camilleri, membru tas-Soċjetà, li kien dejjem jagħti dik id-daqqa t’id manwali tajba lill-Parroċċa u lis-Soċjetà f’kull bżonn li jkun hemm. Din l-aħbar waslet sabiex nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Mejju, bosta parruċċani u partitarji nġabru fil-Katidral sabiex isellmu l-fdalijiet ta’ ħuna Censu.

 

 

 

Kunċert tal-Aljievi

Nhar it-Tlieta 30 t’April ġie mtella’ l-Kunċert tal-Aljievi tal-Banda Cittadina Leone. Dan sar fuq il-palk tat-Teatru tal-Opra Aurora, bl-udjenza tingħaqad mal-aljievi, tfal tal-Aurora Youth Choir u żgħażagħ tal-Aurora Youth Movement fuq l-istess palk. 

L-aljievi li ħadu sehem, li magħhom hemm oħrajn li ma setgħux ikunu preżenti, kienu: Charlon Curmi (Drum-kit), Gracie Clark (Bb Trumpet), Jacques Bouvier (Bb Clarinet), Steve Gauci (Euphonium), Carmel Schembri (Alto Saxophone), Sarah Sciberras (Alto Saxophone), Julian Hili (Bb Trumpet), Sarah Camilleri (Alto Saxophone), Maria Sciberras (Flute), Daryl Apap (Bb Trumpet) u Joseph Grech (Bb Clarinet). Dawn kollha daqqew siltiet mużikali weħidhom jew bl-akkumpanjament tal-pjanu minn Milica Lawrence. Dawn iż-żgħażagħ qed jiġu mgħallma minn Joseph Debrincat (Qasba) u Mark Gauci (Ram).

 

 

Barra minn hekk, l-Kor residenti tas-Soċjetà, l-Aurora Youth Choir, kellu żewg siltiet mużikali, bis-sehem ta’: Giulia Calleja, Gracie Carke, Chiara Debrincat, Kate Grech, Naomi Grech, Faith Mercieca, Antonella Portelli, Deborah Portelli, Marea Refalo, Emma Sultana Caruana u Hayley Vella. 

Grupp ta’ żgħażagħ mill-Aurora Youth Movement min naħħa l-oħra ħadu sehem fil-parti litterarja ta’ dan il-kunċert, fejn inqraw il-poeżiji ‘Rajtek Sabiħa’ u ‘Għaddejja r-Reġina’, it-tnejn ta’ Gianninu Cremona. Flimkien magħhom, saru biċċiet mill-kitba tad-dramm ‘Il Leone’ ta’ Anton F. Attard li kienu jittrattaw il-wasla tal-istatwa ta’ Santa Marija minn Ruma u l-Ġrajja tad-29 t’April 1956. F’dawn ipparteċipaw Maria Attard, Louisa Bonnici, Angelique Camilleri, Luana Curmi, Sione Grima, Adam Refalo, Maria Santa, Amy Said, Nathan Sultana, Marcella Tabone. Dan il-kunċert ġie ppreżentat minn Martina Grech.

Filgħaxija wkoll ġie organizzat High Tea b’risq il-Banda u l-ħidma tagħha. Aktar kmieni mal-jum ukoll sar il-funeral ta’ Karmenu Xuereb.

 

 

 

L-Ewwel Erbgħa ta’ Santa Marija

Fil-Jum tal-Ewwel Erbgħa, li nzertat ukoll Festa Pubblika, il-Parroċċa ċċelebrat l-ewwel Erbgħa ta’ Santa Marija. Dan sar matul il-jum kollu quddiem ix-xbieha ta’ Santa Marija fil-Katidral. 

F’nofsinhar, l-Aurora Youth Movement organizza Sports Day fir-Ramla, b’diversi attvitajiet sportivi għaż-żgħażagħ, fosthom Volleyball. Wara kielu pizza flimkien sabiex b’hekk qattgħu jum il-mistrieħ fil-kumpanija ta’ xulxin. Aktar tard filgħaxija, infetħu l-Erbgħat ta’ Santa Marija b’konċelebrazzjoni mmexxija minn Mons. Arċipriet Joseph Sultana, il-Kapitlu, u l-miġemgħa sabiħa li nġabret fil-Katidral.