Mixja ta’ 15-il Erbgħa sa Santa Marija
Hija mixja sabiħa u sinifkattiva, dik tal-ħmistax-il Erbgħa ta’ Santa Marija. Mixja ta’ preparazzjoni u tħejjija li tgħinna, minn ġimgħa għall-oħra, nitfgħu u nwaqqfu ħarsitna fuq il-figura ta’ Marija Omm Alla, dik li mbagħad fil-15 t’Awwissu nikkontemplawha fit-tlugħ glorjuż tagħha fis-sema. Hija mixja ta’ 15-il ġimgħa; devozzjoni popolari marbuta man-numru ħmistax.
Fil-ħsieb tagħha, il-preparazzjoni għall-festa tixhed il-kobor u l-importanza tal-festa, għaliex kif l-Għid il-Kbir ta’ Kristu għandu t-tħejjija tiegħu biż-żmien tar-Randan Imqaddes, hekk il-festa tal-Għid tal-Assunta, għandha t-tħejjija tagħha b’dawn l-Erbgħat, li antikament kien hemm min kien anki jorbot magħhom is-sawm.
Il-ħmistax-il Erbgħa qabel il-15 t’Awwissu jibdew dejjem, għalhekk, fl-ewwel Erbgħa ta’ Mejju, dak li huwa wkoll magħruf bħala x-xahar tal-Madonna. Fl-aħħar ta’ Lulju, imbagħad, il-preparazzjoni remota ta’ 15-il ġimgħa, tidħol fi preparazzjoni prossima, bil-15-il jum tal-kwindiċina, u fl-aħħar ħamest ijiem tibda l-preparazzjoni tat-tridu solenni li jwassalna sal-Vġili tal-Assunta u l-jum tal-Festa.
Għalhekk, minn għada, il-komunità tagħna – sew jekk inhi parroċċa, sew jekk inhi Soċjetà – tibda tinġabar darba oħra fil-ġimgħa, mhux biss nhar ta’ Ħadd fit-tiġdid tal-misteru ta’ Kristu Rxoxt, imma wkoll nhar ta’ Erbgħa fi tħejjija għall-festa ta’ Santa Marija. Tibda tinġabar din il-komunità ta’ fidi madwar Marija; xbieha sabiħa ta’ kif kienet tagħmel il-Knisja tal-bidu, fi żmien l-Appostli.
Għada, fl-okkażjoni tal-ewwel Erbgħa, il-konċelebrazzjoni solenni tal-Ewkaristija tkun ippreseduta minn Mons. Isqof Anton Teuma. Fis-6:30pm tibda t-talba tar-Rużarju Mqaddes u l-Quddiesa tkompli wara. Tkun okkażjoni sabiex ningħaqdu mal-Knisja Kattolika fit-talb lill-Ispirtu s-Santu biex jakkumpanja l-proċess tal-konklavi li jrid jagħtina suċċessur ieħor ta’ San Pietru. Wara l-quddiesa jkun hemm l-Adorazzjoni Ewkaristika fis-skiet sal-quddiesa addizzjonali tat-8:30pm. Il-ferħ tagħna f’din l-okkażjoni jidher bit-tlugħ tal-bnadar bl-ilwien Marjani fuq il-bjut tad-djar tagħna.