La Forza, ta’ Verdi, għall-11 t’Ottubru 2025
It-Teatru tal-Opra Aurora għadu kif ħabbar li ħareġ għall-bejgħ il-biljetti tal-opra ta’ Giuseppe Verdi La Forza del Destino, li tirritorna fl-Aurora fil-11 t’Ottubru. L-aħħar Forza li dehret f’Għawdex kienet ukoll fl-istess Aurora, fl-2007. Fil-pit tal-orkestra jżomm postu s-Surmast Colin Attard, li jidderieġi lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, il-kor tat-Teatru tal-Opra Aurora u kast internazzjonali ta’ artisti stabbiliti li jitħabbar aktar ‘il quddiem.
Id-dilettanti lokali tal-opra kellhom xrara ta’ namra mqanqla mill-ġdid ma’ dan it-titlu ċelebri ta’ Verdi, meta ġie ppreżentat fit-Teatru La Scala ta’ Milan ix-xitwa li għaddiet, u mxandar mad-dinja kollha f’dak li huwa meqjus bħala l-aktar serata ta’ opra ta’ klassi fid-dinja tal-opra – il-lejl ta’ Sant’Ambroġ – 7 ta’ Diċembru, meta jiftaħ l-istaġun tal-opra f’Milan.
Dan it-titlu, assoċjat ma’ kull xorta ta’ xorti – tant li ġie mlaqqam bħala dak li ma jissemmiex b’ismu, se jirritorna fi produzzjoni ġdida ferm mistennija, iddisinjata mid-direttur tal-palk Riccardo Buscarini. Dan se jkun qed juri xogħlu fl-Aurora għat-tielet sena konsekuttiva wara Madama Butterfly (2023) u Il Trittico (2024). Dan mistenni jibni fuq is-suċċessi tas-sentejn li għaddew, din id-darba b’kollaborazzjoni kreattiva interessanti ma’ Giammaria Farina (xeni), Mara Pieri (kostumi) u Moritz Zavan Stockle (dwal).
La Forza del Destino se tiġi ppreżentata fuq lejl wieħed, fil-11 t’Ottubru 2025 – serata li tiftaħ l-istaġun tal-opra f’Għawdex.
Bl-ewwel biljetti ġeneralment jinħatfu, it-Teatru issa qiegħed iħabbar li dawn jistgħu jinkisbu online. Jinbigħu €90, €75 u €55, b’palketti premium għal 4 persuni jmorru b’€500, inkluż xampanja u servizz ta’ butler. Il-biljetti jistgħu jinxtraw bit-telefon fuq +356 79045779, bl-email fuq teatruaurora@leone.org.mt jew fuq is-sit tat-teatru: www.teatruaurora.com/box-office.
La Forza del Destino fit-Teatru tal-Opra Aurora qed issir bl-għajnuna tal-programm Investment in Cultural Organisations – Gozo, ta’ Arts Council Malta b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.