Il-Banda Leone u l-Festa ta’ Santa Marija
Fil-faċċata tal-Każin tal-Banda Leone u t-Teatru tal-Opra Aurora, ir-Rabat, Għawdex, naraw żewġ monumenti kbar li juru l-persuna sħiħa taż-żewġ persunaġġi importanti - Ġorġ Tabone u Adriano Lanzon. Min kienu dawn it-tnejn? Ħadd għajr il-fundaturi ta’ din 'l-eqdem banda' fil-gżira Għawdxija, li fil-bidu kienet magħmula minn żewġ baned żgħar u li aktar tard ingħaqdu flimkien. ‘L-eqdem banda’ għax l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ baned, ta’ ħdax u tnax-il daqqaq kull waħda, illum hi dokumentata b’irċevuta li tinsab fl-arkivju tal-Kolleġġjata tal-Għarb li tgħid li dawn iż-żewġ baned taw is-servizzi tagħhom fil-festa tal-Viżitazzjoni fis-sena 1865. Dawn iż-żewġ baned li twaqqfu għall-ħabta tas-sena 1863, kienu ħadu wkoll sehem fil-festi ta’ l-Erezzjoni tad-Djoċesi Għawdxija fl-1864. Dawn iż-żewġ baned kienu jissejħu popolarment il-baned ‘Tal-Binu’ u ‘Ta’ Dirjanu’ għas-surmastrijiet tagħhom.
Għall-ħabta tas-sena 1872 dawn il-baned ingħaqdu f’banda waħda taħt id-direzzjoni ta’ Mro Adriano Lanzon, mużiċist kbir Għawdxi li fis-seklu dsatax iddedika ħajtu b’riżq il-mużika fil-gżira Għawdxija. Din il-banda kienet weħidha u d-dokumenti jirreferu għaliha bħala s-‘soċjetà l-antika’ u għalhekk ma kellhiex xi isem partikulari. Kienet tieħu sehem weħidha fil-festi kollha li kienu jsiru f’Għawdex, inklużi s-servizzi kollha tal-festa ta’ San Ġorġ. Hawn ta’ min jirrimarka li d-dixxendenti kollha ta’ dawk li kienu jdoqqu mal-baned tal-Binu u ta’ Dirjanu, li wara ngħaqdu flimkien f’banda waħda, baqgħu tradizzjonalment jissupportjaw u jżommu mal-Banda tal-Ljun.
Fis-sena 1879, il-banda għaddiet għal taħt idejn iben Dirjanu, Mro. Achille Lanzon u ġara li f’dik is-sena, waqt programm fi Pjazza Sant’Wistin, xi bandisti ġġieldu fuq l-imsiebaħ u ħamsa minnhom qabdu u telqu mill-banda. Ġara wkoll li dik il-ħabta kien hawn żagħżugħ Għawdxi, Anton Buhagiar, magħruf bħala Toni ta’ Luċija, li kien qiegħed iħarreġ xi żgħażagħ biex iwaqqaf banda ġdida u dawn il-ħames dissidenti marru u ngħaqdu miegħu.
Biex ma jitilqux iżjed bandisti, fis-27 ta' Mejju, 1880, il-bandisti flimkien mas-Surmast Killi, bir-rieda spontanja tagħhom, marru għand in-Nutar Aloisio Calleja Pace u għamlu l-ewwel kuntratt ta' banda li qatt sar fil-gżira Għawdxija fejn intrabtu li ħadd ma seta' jitlaq mill-banda biex jingħaqad ma' baned oħra, u min jagħmel hekk kien jeħel penali ta' tmien liri sterlini.
Il-banda l-ġdida ta’ Anton Buhagiar twaqqfet fl-1880 u fl-1881 is-surmast fundatur u l-bandisti għamlu kuntratt li fih il-banda l-ġdida ngħatat isem biex tingħaraf mill-antika. Billi l-banda l-antika kienet għadha mingħajr isem, fis-6 ta' Frar, 1881, għamlet kuntratt ieħor, ippubblikat fil-każin ta' l-istess Soċjetà , li fih semmew il-banda Banda del Leone, Banda tal-Ljun. Dan kien il-bidu u t-twaqqif uffiċjali tal-Banda Il Leone tar-Rabat, Għawdex.
Fis-sena 1896, l-Isqof Camilleri fada l-festi esterni ta’ Santa Marija f’idejn is-Soċjetà Il Leone, u f’dik is-sena stess din is-Soċjetà bdiet tħabrek sabiex iġġib l-istatwa l-ġmiel tagħha ta’ Santa Marija minn Ruma, statwa li waslet fl-1897 u li llum tinsab il-Katidral.
Matul iż-żmien is-Soċjetà Leone dejjem kabbret il-festa ta’ Santa Marija b’armar ġdid fit-toroq, biż-żjieda tas-sehem ta’ aktar baned minn Għawdex u minn Malta, bil-kwantità u kwalità ta’ nar tal-art u tal-ajru, bit-tkabbir tat-Tiġrijiet Tradizzjonali tal-Bhejjem li ilhom isiru sa mis-sena 1587 u fuq kollox bi programmi mużikali mill-isbaħ u l-innu immortali Per La Festi di Maria Assunta in Cielo ta’ Mro Orlando Crescimanno u l-Markiż Ramiro Barbaro di San Giorgio, imżanżan fl-1913. Il-Banda Leone kienet ukoll l-ewwel banda li kienet tagħlaq il-festi tagħha, jiġifieri dik ta' Santa Marija, b’marċ Alla Veneziana, imsejjaħ il-marċ tal-aħħar.
Fost l-avvenimenti kbar li ċċelebrat din is-Soċjetà bandistika nsibu d-Domma tal-Assunzjoni fl-1950 u d-Donazzjoni tal-Istatwa tagħha tal-Assunta lill-Katidral biex tinħareġ purċissjoni matul it-toroq tar-Rabat nhar il-15 t’Awwissu, ta’ kull sena bl-akkumpanjament tal-istess banda, avveniment li tfakkar l-ewwel ċinkwantinarju tiegħu fis-sena 2006 b’festi speċjali.
Wara li s-Soċjetà Il Leone irresidiet f’diversi każini fl-inħawi tal-pjazez tat-Tokk u ta’ Savina, fis-sena 1976 marret f’każin u teatru ġdid fi Triq ir-Repubblika. It-teatru l-ġdid, xi r-raba’ wieħed fil-lista ta’ teatri li kellha s-Soċjetà, beda jilqa’ fih l-aqwa artisti tal-opra lirika meta fl-1977 saret l-ewwel opra lirika fih Madama Butterfly.
Imma żgur li l-akbar impenn għas-Soċjetà Il Leone, bħalma dejjem kien sa mill-bidu, huwa ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Santa Marija. Festi solenni pontifikali u mill-aktar pompużi jsiru fil-Katidral, u attivitajiet mill-aktar brijużi jseħħu fit-toroq imżejna u mixgħula mill-isbaħ tal-Belt Victoria għal ħamest ijiem sħaħ. Tradizzjonali huma wkoll it-Tiġrijiet tal-Bhejjem, illum ukoll f’idejn is-Soċjetà Leone, u l-Wirja Agrarja, Industrijali u Kulturali (1855) li titmexxa minn kumitat apposta maħtur mill-Gvern, wirja li dejjem kabbret ukoll dawn il-festi mill-aspett agrikolu u industrijali. Din il-Wirja hija s-suċċessura tal-Fiera tal-Frott u l-Ħxejjex li kienet issir fit-taraġ li jieħu lejn iċ-Ċittadella mijiet ta’ snin ilu.
Diversi wirjiet spettakolari ta’ logħob tan-nar tal-art u tal-ajru jiġbdu lejn ir-Rabat, Għawdex, eluf kbar ta’ nies. Dawn jilħqu l-qofol tagħhom waqt id-dħul tal-vara fil-Katidral nhar Santa Marija b’xeni li ma jistgħux jitfissru bil-kliem.
Santa Marija tal-Għawdxin, f’nofs Awwissu, tibqa’ l-akbar festival folkloristiku-Reliġjuż tal-gżira Għawdxija.
Attard, Anton F. (2007): Il-Banda Leone u l-Festa ta' Santa Marija. Victoria/Għawdex, Malta