Iħallina l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona

PRO
19. 03. 2025
Maħruġa l-Biljetti għall-opra La Forza del Destino
18. 03. 2025
Illejla: ikla fil-każin b’risq il-Vampa Organisations
21. 03. 2025

Mons. Pawlu Cremona OP serva bħala Arċisqof ta’ Malta bejn l-2007 u l-2014.

Is-Soċjetà Filarmonika Leone tingħaqad mal-bqija tal-pajjiż fis-sogħba għat-telfa ta’ Mons. Pawlu Cremona OP, Arċisqof emeritu ta’ Malta, li serva bħala ragħaj tal-arċidjoċesi bejn l-2007 u l-2014. Huwa għadda għal ħajja aħjar, ilbieraħ 18 ta’ Marzu 2025 fl-età ta’ 79 sena. B’turija ta’ sogħba u rispett, is-Soċjetà Leone ttajjar il-bandiera mezz’asta llum f’jum il-mewt, kif ukoll nhar is-Sibt li ġej, 22 ta’ Marzu f’jum il-funeral tiegħu.

Cremona, patri fl-Ordni ta’ Predikaturi, jew l-ordni tad-Dumnikani, kien imwieled il-Belt Valletta fl-1946. Huwa ġie mħabbar Arċisqof ta’ Malta bħala suċċessur tal-Għawdxi Mons. Ġużeppi Mercieca f’Diċembru 2006 u ordnat fis-26 ta’ Jannar 2007. Is-suċċessur tiegħu kien l-Arċisqof attwali Mons. Charles J. Scicluna. Huwa ċċelebra l-50 anniversarju saċerdotali tiegħu fl-2019.

Bħala Arċisqof, Mons. Cremona għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu lid-Djoċesi ta’ Għawdex fit-28 ta’ Frar 2007 b’konċelebrazzjoni pontifikali fil-Katidral ta’ Għawdex. Dakinhar kien milqugħ mill-Isqof – illum Kardinal – Mario Grech, ordnat isqof eżatt sena qablu, u l-predeċessur tiegħu l-Isqof Emeritu Nikol Ġużeppi Cauchi.

Maħkum mill-mard fl-aħħar perjodu ta’ ħajtu, Cremona jibqa’ magħruf għall-kariżma, għall-karattru paċifist, għall-virtujiet li bihom għex it-tbatija u l-imħabba ta’ missier li biha ħabb lill-merħla afdata f’idejh. Cremona għadda għal ħajja oħra lbieraħ 18 ta’ Marzu waqt li kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei.

Jagħtih il-Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
Id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu.
Jistrieħ fis-sliem.
Amen.


Ritratti: L-Ewwel Żjara ta’ Mons. Arċisqof Cremona fid-Djoċesi ta’ Għawdex – 28 ta’ Frar 2007.