Mit-tema tal-Ġublew tat-Tama, għall-programm ta’ mużika sagra
Issa li qiegħda toqrob il-Ġimgħa Mqaddsa, il-Banda Ċittadina Leone qiegħda tħabbar il-programm mużikali tagħha, li ta’ kull sena tippreżenta fil-jiem għeżież tal-Ġimgħa Mqaddsa. Għal din is-sena, l-2025, il-programm mużikali ġie stabbilit għat-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa, 15 ta’ April, bħas-soltu, fil-Katidral ta’ Għawdex fit-8pm.
Ippreżentat bil-Malti, bit-traduzzjoni tar-riflessjonijiet bl-Ingliż, SPES UNICA (mil-Latin: Tama Waħdanija), se jieħu lill-udjenza f’eżerċizzju meditattiv u riflessiv dwar is-sinjal tas-Salib u l-misteri tat-tbatija bħala t-Tama Waħdanija għar-ruħ Nisranija. It-titlu huwa meħud mit-tema tal-ġublew tal-2025, li l-Papa Franġisku ddedikah lill-virtu tat-Tama.
Colin Attard jidderieġi lill-Banda Ċittadina Leone fi programm ta’ mużika meditattiva – b’siltiet ta’ natura sagra, oħrajn b’ispirazzjoni reliġjuża u oħrajn li jevokaw ħsibijiet ta’ virtu. Filfatt għandu jkun kuntest u ambjent interessanti li fih wieħed jisma’ ċerti siltiet prestiġjużi ta’ mużika abbinati ma’ riflessjonijiet filosofiċi u spiritwali.
Il-kunċert jinkludi wkoll l-Aurora Youth Choir – il-kor tat-tfal tas-Soċjetà Filarmonika Leone, li jesegwixxi silta ġdida tal-okkażjoni bit-tema tal-Ġublew tat-Tama, miktuba għall-okkażjoni mid-direttur tal-kor Matthew Sultana.
Spes Unica (Tama Waħdanija) qed jiġi ppreżentat mis-Soċ. Fil. Leone, bil-kollaborazzjoni tal-W.R. Kapitlu u Parroċċa tal-Katidral ta’ Għawdex, bl-għajnuna tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Id-dħul huwa b’xejn, iżda huwa rakkomandat li wieħed jerfa’ post billi jibgħat sms fuq +356 79045779 (SMS), email fuq teatruaurora@leone.org.mt jew iżur is-sit www.teatruaurora.com/event/spes-unica-2025.