Imfakkra l-ġrajja tad-29 t’April

PRO
01. 05. 2025
Id-29 t’April; tifkira dejjem imġedda
29. 04. 2025
Għada nibdew l-Erbgħat
06. 05. 2025

Fil-ġranet li għaddew, is-Soċjetà Filarmonika Leone kienet impenjata bl-attivitajiet marbuta mat-tifkira tal-ġrajja tad-29 t’April 1956. Huma attivitajiet relattivament ċkejkna fil-qies u fl-iskala tagħhom, iżda mhux hekk fl-importanza u t-tifsira marbuta magħhom u mal-ġrajja li ssuqhom.

L-anniversarju ta’ meta l-istatwa ta’ Santa Marija telgħet għall-ewwel darba fil-Katidral, din is-sena ħabat it-Tlieta. Kif kien imħabbar, il-programm oriġinali kien jiftaħ b’quddiesa fil-Katidral bil-banda u marċ wara, fil-jum tal-Ħadd iżda dan tħassar minħabba l-mewt tal-Papa Franġisku. Għalhekk, wara l-ikla fil-każin, il-Ħadd 27 t’April, l-attività li kien imiss kienet il-kunċert tal-alljievi.

Il-Kunċert tal-Alljievi

Kienet ukoll okkażjoni xierqa li dan il-kunċert, jew recital inżamm fis-sala tal-kunċerti – hekk magħrufa mill-bandisti u l-voluntiera, minkejja li uffiċjalment imsemmija ‘Sala 29 t’April 1956’. F’dan il-kunċert ħadu sehem kważi l-alljievi kollha li qegħdin jitgħallmu xi tip ta’ strument mal-Banda Ċittadina Leone kif ukoll dawk il-bandisti ġodda li għalkemm idoqqu mal-banda, għadhom jirċievu l-lezzjonijiet tal-mużika b’xejn. Preżentament, l-iskola tal-mużika tal-Banda Leone hija kkordinata minn Joseph Cordina, bl-għalliema jkunu Helga Vella għat-teorija, Michael Pirotta għall-qasba, Mark Gauci għar-ram u Charlon Curmi għall-perkussjoni. Daqqet ukoll il-Leone Youth Ensemble fuq il-palk tas-sala tal-kunċert, taħt it-tmexxija ta’ Josef Attard, kif ukoll l-Aurora Youth Choir li esegwixxa żewġ innijiet sagri marbuta mat-tema tat-Tama – It-Talba tal-Ġublew tat-Tama ta’ Papa Franġisku, ta’ Matthew Sultana li dderieġa u akkumpanja l-kor, u l-final mill-musical Ġwanninu ta’ Stephen Attard, “It-Tama Tagħna”. Sadanittant, l-istudenti individwali jew fi dwett, uħud akkumpanjati minn Steve Buttigieg fuq il-pjanu, daqqew isfel fis-sala quddiem udjenza numeruża.

Il-parteċipanti f’dan il-programm kienu: Bella Bugeja (Trumpet), Zak Refalo (Trombone), Joachim Grech (Clarinet), Nathan Saliba (Eb Clarinet), Alessandro Azzopardi (French Horn), Julien Bouvier (Trumpet), Chiara Vella (Flute), Andrea Marie Saliba (Trombone), Gerard Cordina (Trumpet), Peter Paul Camilleri (Snare drums), Sheldon Debrincat (Snare drums), Vagn Molnit (Clarinet), Roseanne Sciberras (Clarinet), Aurora Xerri (Clarinet), Andrew Cordina (Clarinet), Martina Hili (Trombone), David Azzopardi (Bb baritone), Lucas Azzopardi (Sax Alto), Carmel Schembri (Sax Alto), Mark Azzopardi (Euphonium) u Joseph Grech (Clarinet). Matthew Sultana ppreżenta s-serata.





U l-quddiesa solenni fid-29!

L-għada t-Tlieta, imbagħad, l-attenzjoni daret fuq il-Katidral, iċ-ċentru u l-qofol tal-ġrajja, fejn l-istatwa devota ta’ Santa Marija kienet armata għall-qima tal-poplu fil-korsija fejn tkun normalment fil-jiem tal-festa. Fis-7pm ta’ filgħaxija, Mons. Arċipriet Joseph Sultana mexxa l-konċelebrazzjoni solenni ta’ radd il-ħajr, bis-sehem ta’ saċerdoti mill-Presbiterju Parrokkjali. F’din il-quddiesa ħadu sehem il-Leone Youth Ensemble u l-Aurora Youth Choir taħt it-tmexxija ta’ Josef Attard bil-kant tal-innijiet Marjani Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa, Ġmiel l-Aurora, l-Ave Maria tradizzjonali u l-innu Frott tal-Art u Xogħol Idejna fl-offertorju fost affarijiet oħra. Kienet tassew omelija sabiħa, sinjifikattiva u mqanqla dik li niseġ Mons. Arċipriet għall-okkażjoni; okkażjoni li rat ukoll attendenza sabiħa fil-Katidral tagħna. Fi tmiem il-quddiesa, wara t-talb ta’ qima u ringrazzjament f’riġlejn l-istatwa ta’ Santa Marija, il-kor u l-banda ż-żgħira ħadu ritratt tal-okkażjoni quddiem il-vara, li għall-okkażjoni kellha biswitha l-istandard tal-Banda.

Fuq barra, fuq il-mina l-kbira taċ-Ċittadella, fid-29 t’April ittajret il-bandiera tas-Soċjetà Leone. L-arblu issa jibda jimmarka l-Erbgħat ta’ Santa Marija, waħda wara l-oħra għal ħmistax-il darba; il-mixja ta’ tħejjija li nagħmlu aħna lkoll lejn il-festa wisq popolari u devota ta’ Santa Marija fit-tlugħ glorjuż tagħha fis-sema.

Il-festi tad-29 t’April, issa jieħdu aċċent aktar sħiħ is-sena d-dieħla meta nkunu nfakkru s-70 sena minn din il-ġrajja storika.