B’niket u b’sogħba kbira, is-Soċjetà Filarmonika Leone tħabbar il-mewt tal-Viċi President tagħha, Edward Grech fl-età ta’ 98, li seħħet aktar kmieni llum 7 t’April 2022.
Imwieled il-Belt Victoria nhar l-4 ta’ Marzu 1924, Dwardu, kif jafu kulħadd, kien il-kbir fost 7 aħwa. Ħafna nies jafuh bħala għalliem fl-aqwa tal-karriera tiegħu. Illum jafuh ħafna wkoll bħala Leġjunarju ta’ Marija attiv.
Iżda s-Soċjetà Filarmonika Leone tafu f’ħafna karigi. Filfatt, fi kliemu, Edward Grech serva f’kull kariga uffiċjali tal-kumitat ħlief dik ta’ President. Attwalment kien wieħed miż-żewġ Viċi-Presidenti. Iżda apparti Viċi-President, Grech serva għal ħafna mill-aħħar snin tiegħu bħala chairman tal-Kummissjoni Banda, fil-Kumitat Eżekuttiv u kien l-uffiċjal inkarigat mill-organizzazzjoni tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel ta’ Santa Marija.
Dwardu kien l-aktar membru tal-kumitat veteran mhux biss fl-età iżda anki fis-snin ta’ servizz għal iktar minn 70 sena. Biżżejjed ngħidu li kien l-aħħar membru tal-kumitat tal-1956, li bil-ħidma tagħhom telgħet il-vara ta’ Santa Marija fil-Katidral. Minn intervisti li huwa ta, huwa kien ikun wieħed minn dawk li kienu jmorru jittrattaw mal-Isqof Pace fil-kwistjonijiet parrokkjali, u jirrakkonta l-oppożizzjoni estrema tal-Isqof Pace meta s-Soċjetà Leone azzardat tipproponi għall-ewwel darba li ttella’ lil Santa Marija fil-Katidral.
Fid-19 ta’ Ġunju 1960, Edward iżżewweġ lil Mary Hili u magħha rabba familja ta’ 4 wlied, Joseph, Anna u Maria u Paul, bi 11-il neputi u 2 pro-neputijiet.
Bid-don tal-kelma tiegħu, Dwardu kellu l-kunfidenza assoluta tal-bandisti kollha hekk kif ikun hu li dejjem jattendi u javża lill-bandisti waqt il-kunċerti u waqt xi servizz. Man-nies tagħna, kien maħbub għall-kelma ġentili tiegħu, il-manswetudni u diżinteress personali fl-affarijiet tas-Soċjetá. Mingħandu, dawk kollha midħla fl-amministrazzjoni tas-Soċjetà Leone jieħdu l-frażi f’ilsienhom “il-ġid tas-Soċjetà”. U huwa proprju għall-ġid tas-Soċjetà li fl-età venerabbli ta’ 98 sena, il-ħabib tagħna – imma mhux biss… – in-nannu maħbub tagħna kien għadu jservi fil-kumitat (anke online!) tal-ewwel banda Għawdxija b’imħabba, b’lealtà, b’servizz u b’umiltà.
Ta’ 98 sena, Dwardu jibqa’ ta’ eżempju għalina lkoll. Fi kliemu, is-suċċess tal-ħajja huwa li tibqa’ dejjem “on the go”. U meta tqis li lil Dwardu kont għadek tarah isuq il-mutur u jaħdem fl-għalqa sa mhux ħafna ilu, ma tistax ħlief tammirah. Fuq kollox, huwa ta’ eżempju kif is-sigriet tas-suċċess fil-ħajja tal-każin u s-Soċjetá huma li żżomm l-ewwel u qabel kollox il-ġid tas-Soċjetà, twarrab l-aspirazzjonijiet tiegħek u jkollok dejjem attitudni konċiljatorja, miftuħa għad-djalogu u mibnija fuq ir-rispett.
Għalhekk f’din l-okkażjoni, filwaqt li nitolbu għal ruħu u nwasslu l-kondoljanzi lil qrabatu, nirringrazzjaw lil Alla u lil Santa Marija li żejnitna bil-preżenza ta’ ġentlom bħal Dwardu Grech.
Agħtih O Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Id-Dawl ta’ Dejjem Jiddi Lilu
Jistrieħ fis-Sliem.