Devozzjoni u tradizzjoni f’jum il-Ġimgħa l-Kbira

PRO
19. 04. 2025
Dħalna fil-qofol tal-Ġimgħa Mqaddsa – bdejna bil-programm tal-mużika sagra
17. 04. 2025
Illum, f’jum il-Funeral ta’ Ġiġi Xuereb, imut il-Papa Franġisku
21. 04. 2025

Il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Ilbieraħ il-Ġimgħa 18 ta’ April 2025, il-Knisja Kattolika għamlet it-tifkira tal-passjoni u l-mewt glorjuża ta’ Sidna Ġesu Kristu, fil-jum magħruf bil-Malti bħala l-Ġimgħa l-Kbira. Huwa jum importanti u devot għall-Maltin u l-Għawdxin, mhux l-inqas għall-parroċċa tagħna tal-Katidral ta’ Għawdex u għas-Soċjetà Filarmonika Leone.

L-impenn reliġjuż ewlieni tal-ġurnata, bħas-soltu, tkun il-funzjoni tat-3pm fil-Katidral ta’ Għawdex, immexxija minn Mons. Isqof Anton Teuma. Kienet funzjoni, animata mill-kor parrokkjali taħt id-direzzjoni ta’ Matthew Sultana, u li għaliha l-Katidral kien ippakkjat bil-miġemgħa. Għal din l-okkażjoni, bħall-bqija tal-funzjonijiet ewlenin fil-Katidral, is-Soċjetà Filarmonika Leone kienet irrappreżentata minn delegazzjoni tal-Kumitat.

Wara l-funzjoni, imbagħad, il-Banda Leone armat ruħha fil-pjazza tal-Katidral peress li din is-sena kien imiss lilha, li fil-jum proprju tal-Ġimgħa l-Kbira takkumpanja l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Is-sena d-dieħla, il-jum alternattiv ikun il-Ħadd tal-Passjoni, jiġifieri Ħadd il-Palm, Ħadd qabel l-Għid il-Kbir.

Fis-6pm, eżatt mal-ħin, imbagħad bdiet ħierġa l-purċissjoni mill-Katidral ta’ Għawdex b’sett vari devozzjonali imprezzabbli. U hekk kompliet l-eqdem tradizzjoni tal-purċissjonijiet tal-passjoni f’Għawdex. Ma ninsewx li l-vari l-antiki tal-Ġimgħa l-Kbira li hemm fil-Katidral, huma huma l-eqdem vari u kienu saru biex fuqhom isiru meditazzjonijiet kull nhar ta’ Ġimgħa u bihom issir purċissjoni kull nhar ta’ Ġimgħa fi żmien ir-Randan mat-toroq taċ-Ċittadella. Eventwalment kienu huma wkoll li kienu jinżlu kull sena fil-knisja ta’ San Ġorġ biex bil-Banda Leone jduru f’purċissjoni mal-Belt Victoria. Eventwalment, wara li fl-1955 twieldet il-parroċċa ta’ San Ġorġ, il-Parroċċa tal-Katidral, permezz tas-Soċjetà Filarmonika Leone tħabtet kemm felħet biex il-vari tagħha joħorġu f’purċissjoni mingħandha. U hekk beda jseħħ, grazzi għall-famuż ftehim, fl-1968.

F’temp mill-isbaħ, u b’udjenza b’saħħitha mar-rotta kollha, il-purċissjoni bdiet ħierġa mill-Katidral waqt li l-Banda Leone bdiet ir-repertorju ta’ marċi funebri tagħha bilqiegħda. Ġesu fl-Ort tal-Ġetsemani, imbagħad Ġesu marbut u fflaġellat u warajh Ġesu nkurunat bix-xewk u mlibbes il-porpra artistika ġdida li saritlu. Imbagħad ħareġ Ġesu Redentur, imgħobbi s-salib, u hemmhekk il-Banda Leone ħejjiet ruħha biex esegwiet l-innu lill-għuda tas-Salib imqaddes, La Croce ta’ Orlando Crescimanno. Fuq in-noti solenni tiegħu, tfaċċat fil-bieb l-aktar vara importanti – Ġesu mislub, b’Marija u Ġwanni quddiemu, Marija ta’ Magdala f’riġlejn is-salib, u ċ-ċenturjun Lonġinu lest għall-ogħla espressjoni ta’ fidi: “Dan tassew kien l-Iben ta’ Alla”. Warajhom ġew il-vari ta’ Kristu Mejjet u Marija Addolorata. Bejniethom, għadd ta’ personaġġi bibliċi, mit-Testment l-Antik u mit-Testment il-Ġdid, b’vestwarju studjat u artistiku li jkompli jagħti kulur lill-purċissjoni u jwassal l-istorja l-kbira u l-messaġġ tagħha lill-ispettaturi miġbura.

Sadanittant, il-Banda Leone offriet xalata ta’ marċi funebri l-ġmiel tagħhom ta’ Giovanni Giumarra, Giuseppe Stivala, Willie Attard, Vincenzo Ciappara u Colin Attard. Ma’ dawn kien hemm ukoll kompożizzjonijiet ta’ Matthew Sultana, Josef Attard u Michael Pirotta li wkoll ġew esegwiti matul ir-rotta tradizzjonali tal-purċissjonijiet tar-Rabat.

Il-purċissjoni, li fiha ħareġ idoqq ukoll għall-ewwel darba bħala bandist residenti, Mark Azzopardi, kaxxier tas-Soċjetà Filarmonika Leone, ġiet fi tmiemha ftit wara l-10pm.