Il-Banda Leone fil-Ġimgħa Mqaddsa 2010
|
|
|
|
|
Kunċert ta' Mużika Sagra 30.03.2010 | Artwork: Philip Sultana
|
|
|
|
| Paġni Relatati: | |
| Leone Band services for Holy Week 2010 Press Note issued by Leone Phil. Soc. Secretary | PDF Download Banda Leone Details about the Leone Band | Profile Page Press Releases & Communications Index of notes to the press | Contents Page |
Il-Banda Ċittadina Leone A.D.1863 tal-Belt Victoria (Għawdex) tixtieq tħabbar is-sehem tagħha fi tliet attivitajiet partikolari relatati maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Din is-sena, il-Banda Leone se takkumpannja l-Purċissjoni tal-Passjoni mill-Katidral ta’ Għawdex nhar Ħadd il-Palm, 28 ta’ Marzu 2010. Kif inhi n-norma, skont ftehim tal-1976, meta l-purċissjoni tal-passjoni ma jkunx imissha toħroġ fil-jum propju tal-Ġimgħa l-Kbira, il-purċissjoni tal-Katidral, bl-akkumpannjament tal-Banda Leone toħroġ f’Ħadd il-Palm. Din se tibda ħierġa fis-6.30pm. F’din l-okkażjoni, il-Banda Leone ddoqq marċi funebri mis-sett maħruġ fl-2009 li jinsab għall-bejgħ fuq is-CD Pro Nobis. Set ġdid ta’ marċi funebri huwa skedat, kif soltu jsir, għas-sena d-dieħla meta l-purċissjoni toħroġ fil-Ġimgħa l-Kbira.
Il-Banda Leone qed tħabbar ukoll il-Kunċert ta’ Mużika Sagra fil-Katidral ta’ Għawdex nhar it-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa, 30 ta’ Marzu 2010, taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Colin Attard. Il-kunċert jibda fit-8pm u jkun bil-parteċipazzjoni tal-Chorus Ecclesiae Cathedralis (Direttur: Colin Attard) u l-Cathedral Youth Choir (Direttur: Matthew Sultana) li min-naħa tagħhom se jesegwixxu xi motetti u korali sagri. Il-Banda Leone qed tħejji varjetà ta’ mużika sagra relatata mal-Ġimgħa Mqaddsa fosthom xogħolijiet lokali ta’ valur storiku u mużikali sinifikanti. Il-kunċert jintemm bl-innu lis-Salib imqaddes – La Croce miktub fl-1911 bis-sehem tal-Banda u l-korijiet. Id-dħul għal dan il-kunċert ikun b’xejn.
Sadanittant, nhar Ħamis ix-Xirka, il-moviment taż-żgħażagħ tas-Soċjetà Leone – l-Aurora Youth Movement – se jingħaqad maż-żgħażagħ tal-parroċċa Katidrali sabiex jorganizza t-trasport għas-Seba’ Viżti tas-sepulkri madwar il-gżira Għawdxija. It-trasport jitlaq minn Pjazza Savina fir-Rabat fid-9pm.
Il-Banda Leone imbagħad tiċċelebra Ħadd il-Għid bid-dimostrazzjoni popolari bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt – xogħol ta’ Michael Camilleri Cauchi – li toħroġ mill-Katidral ta’ Għawdex fl-10.30am. Il-marċ idur ma’ Pjazza Savina u Pjazza Indipendenza akkumpannjat bid-daqq tal-marċi brijużi.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fil-jiem li ġejjin minn fuq dan is-sit jew billi wieħed iċempel l-uffiċċju tas-segretarjat fil-każin tal-Banda Leone. Fil-parti ta’ taħt ir-ritratt tal-artiklu, wieħed jista’ jsib press release bil-Malti u bl-Ingliż kif mibgħuta lill-mezzi tax-xandir.

