Sejħa għall-ħlas tat-tessera 2010
|
|
![]() |
|
|
Sejħa għall-ħlas tat-tessera 2010
|
|
|
|
| Paġni Relatati: | |
| Sejħa għall-ħlas tat-Tessera 2010 Circular letter issued by the Leone Phil. Society | PDF Download Press Releases & Communications Index of notes to the press | Contents Page |
Matul dan it-tmiem il-ġimgħa li għadda, is-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863 ħarġet is-sejħa lill-membri u partitarji tagħha għall-ħlas tat-tessera għas-sena 2010. Din is-sejħa nħarġet f’ċirkulari ffirmata mis-Segretarju Amministrattiv Joseph Debrincat, li tqassmet mal-bullettin tal-parroċċa tal-Katidral ta’ Għawdex.
Għall-benefiċċju tagħkom il-qarrejja, hawnhekk qegħdin nirriproduċu l-ittra ċirkulari kif mibgħuta fid-djar. Dawk li jixtiequ jġeddu s-sħubija tagħhom jistgħu jagħmlu dan billi jibagħtu l-ħlas fl-uffiċju tas-Segretarjat, fil-Każin tal-Banda Leone, 100 Triq ir-Repubblika, Victoria VCT1017, Għawdex. F’dawn il-ġranet ukoll, membri tal-kumitat se jkunu qegħdin jilqgħu wkoll il-ħlasijiet għat-tiġdid tas-sħubija.
Din l-ittra ċirkulari, flimkien ma’ ittri, ċirkularijiet u stqarrijiet għall-istampa, tistgħu ssibuha arkivjata fil-paġna tal-Communications Office fuq dan is-sit. Issibu aċċess dirett mil-link ta’ taħt ir-ritratt ewlieni.
* * *
4 ta’ Frar 2010
Ċirkulari lill-partitarji kollha tas-Soċjetà Filarmonika Leone
Ħlas ta’ Sħubija tal-Membri għas-Sena 2010.
Għal sena oħra reġa’ wasal iż-żmien sabiex il-membri tas-Soċjetà Filarmonika Leone iġeddu l-miżata tagħhom għas-sena 2010. Din hija wkoll stedina għall-partitarji li mhumiex membri sabiex jissieħbu bħala membri tesserati ta’ din is-Soċjetà. Il-ħlas tal-miżata huwa ta’ €10 kull persuna jew €20 għall-tessera ta’ familja.
Is-sehem tal-membri tesserati huwa ferm importanti fis-Soċjetà tagħna u għaldaqstant qegħdin nagħmlu appell qawwi biex in-numru tagħhom jiżboq tas-snin preċedenti. Il-kumitat jirrikonoxxi bis-sħiħ l-importanza tagħkom u għalhekk jixtieq jisma’ s-suġġerimenti tagħkom kif nistgħu nkabbru s-sehem u l-parteċipazzjoni tagħkom kemm fit-tmexxija kif ukoll fl-attivitajiet li norganizzaw matul is-sena kollha. Għal dan il-għan, infakkrukom li l-uffiċji tagħna huma dejjem miftuħa għal kull min iħoss li jista’ jikkontribwixxi min b’għajnuna manwali u min b’suġġerimenti jew pariri.
Ma’ din iċ-ċirkulari, qegħdin nibagħtulkom envelop flimkien mal-formula tas-sħubija. Kull informazzjoni mibgħuta tinżamm bl-akbar kunfidenzjalità skont l-att tal-liġi tad-Data Protection. Il-kumitat japprezza ħafna l-kollaborazzjoni tagħkom li tgħin mhux ftit sabiex dan l-impenn jitħaffef u jitwettaq fl-iqsar żmien possibbli. Għal kull ħlas ta’ sħubija jinħarġu l-membership card u l-irċevuta tal-ħlas.
F’dan il-kuntest, nieħdu l-okkażjoni sabiex infissrulkom aħjar il-proċedura fit-tlugħ tal-bandiera mezz’asta waqt imwiet ta’ persuni konnessi mas-Soċjetà Leone u l-Parroċċa tagħna skont ma jipprovdi l-aħħar aġġornament tal-istatut.
Bandisti u Membri tal-Kumitat effettivi:
Bandiera mezz’asta titla’ għal tlett ijiem mill-mewt inklużi l-jum tal-funeral.
Membri Paganti:
Bandiera mezz’asta titla f’jum il-mewt kif ukoll f’jum il-funeral.
Partitarji u Persuni oħra:
Bandiera mezz’asta titla f’jum il-funeral.
Il-Kumitat iżomm id-dritt li juża proċeduri oħra meta tinħass il-ħtieġa.
Hawnhekk ta’ min ifakkar ukoll fid-diversi attivitajiet soċjali, kulturali u ta’ ġbir ta’ fondi li twettaq is-Soċjetà b’risq il-festa jew xi fergħat oħra tagħha. Aħna nappellawlkom sabiex tħossukom fid-dmir li tattendu. Bl-għajnuna żgħira tagħkom tkunu qegħdin tagħmlu ħafna u ħafna ġid lill-organizzaturi li fuq kollox huma sempliċi voluntiera fi ħdan is-Soċjetà tagħna. Kelma ta’ inkoraġġament biex tħajru lil oħrajn hija wkoll ta’ benefiċċju kbir. Kunu ġenerużi mas-Soċjetà, li bl-inizjattivi edukattivi u kulturali tagħha, fit-teatru, fl-arti, fil-mużika u f’kull qasam ieħor, qed tkun ħafna u ħafna ġeneruża magħkom, maż-żgħażagħ u mat-tfal tagħkom.
Nirringrazzjawkom bil-quddiem tal-għajnuna, il-koperazzjoni u s-sostenn tagħkom.
Joseph Debrincat
Segretarju Amministrattiv


