Up   |   Back
Banda Ċittadina Leone

Il-Banda Ċittadina Leone hija l-omm u l-qalb tas-Soċjeta`. Dik li llum nafuha bħala Soċjeta` Filarmonika Leone bil-fergħat u l-attivitajiet kollha tagħha, hija evoluzzjoni ta’ għaqda mużikali­ – Banda Leone. Taħt it-tmexxija tas-surmast attwali, Colin Attard, il-Banda Leone għandha aktar minn 60 bandist tal-post. Hija tesegwixxi marċi brijużi u programmi mużikali diversi matul is-sena ewlenin fosthom il-Programm Mużikali Annwali f’Novembru fit-Teatru ta’ l-Opra Aurora, il-Programm ta’ Mużika Sagra fil-Ġimgħa Mqaddsa ġewwa l-Katidral ta’ Għawdex, il-Programm Mużikali f’Awwissu fi Pjazza Savina u l-Kunċert tal-Milied fit-Teatru ta' l-Opra Aurora. Il-Banda Ċittadina Leone tieħu sehem ukoll f’diversi festi fl-irħula Għawdxin b’marċi brijużi u popolari u takkumpannja l-purċissjonijiet tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kapuċċini fir-Rabat u dik ta’ Santa Luċija fir-raħal ta’ Kerċem. Is-servizzi l-aktar importanti jibqgħu dawk fil-jiem ta’ Santa Marija bil-qofol ta’ kollox jintlaħaq fl-akkumpannjament tal-Purċissjoni solenni ta’ Santa Marija mill-Katidral ta’ Għawdex.

 

Developed by ICT Systems Engineering