Teatru ġdid
L-oriġini tal-opra lirika fil-gżira t'Għawdex tmur lura lejn l-1976, meta l-kumitat ħabrieki tas-Soċjetà Filarmonika Leone daħal għal proġett ambizzjuż biex tlesta l-bini tat-teatru. Għalkemm il-kumitat ħabbat wiċċu ma' diversi problemi u sfidi li kellu quddiemu, wara ħames snin ta' ħidma kontinwa, saret l-inawgurazzjoni uffiċjali ta' dan it-teatru. Dan it-teatru tal-opra ħa post u isem it-Teatru Aurora li kien hemm fi Triq l-Arċipriet Saver Cassar, fir-Rabat u li kien ukoll propjetà tas-Soċjetà Filarmonika Leone. It-teatru 'l-antik' kien l-uniku teatru f'dak iż-żmien fejn barra li kien juri films regolarment, kien jipprovdi wkoll għall-pubbliku Għawdxi, kull tip ta' arti teatrali.
![]() |
|||
| 1910 | L-Atturi tal-kumpanija teatrali tas-Soċjetà Leone | 1963 | Ftuħ tat-Teatru u Ċinema Aurora; il-predeċessur tat-Teatru Aurora tal-lum | 1971-1976 | Bini tat-Teatru ta' l-Opra Aurora mal-Każin tal-Banda Leone | 1971-1976 | In-naħa tal-bieb prinċipali u l-palketti ta' wara tat-teatru |
| 09.10.1976 | Il-kunċert inawgurali tat-Teatru tal-Opra Aurora mill-Banda Leone | |
| 09.10.1976 | Il-Ftuħ uffiċjali tal-Każin tal-Banda Leone u Teatru tal-Opra Aurora mid-deputat Prim Ministru ta' Malta Anton Buttigieg |
Qawmien ta’ l-opra fil-gżejjer Maltin
L-għan, li tant ħadmet għalih is-Soċjetà Leone, intlaħaq f'Jannar tal-1977, tliet xhur biss wara l-ftuħ uffiċjali tal-istess Teatru tal-Opra. L-opra ta' Giacomo Puccini, Madame Butterfly fetħet is-siparju għall-opra lirika ġewwa l-gżira ta' Għawdex. Dan il-proġett ġab miegħu tibdil radikali fil-qasam operistiku anke f’Malta, fejn reġa' ta spinta 'l quddiem lill-qasam teatrali ġewwa l-gżira l-kbira. Dawk il-membri u partitarji tas-Soċjetà Filarmonika Leone li għandhom ftit taż-żmien, ilkoll għadhom jiftakru sewwa dawn l-esperjenzi u dawn il-paġni glorjużi tas-Soċjetà għażiża tagħhom; ilkoll għadhom jiftakru tajjeb x’limitazzjonjiet kien hemm biex jinħadmu l-opri, iżda żgur li ħadd minnhom ma jinsa b’liema spirtu kien isir dan ix-xogħol volontarju kollu biex il-kast ta’ membri u partitarji jkun inkurunat minn solisti professjonali biex, bir-raġun, is-servizz ta’ bejn il-fliegu jkollu jirranġa l-iskeda biex jakkomoda l-eluf ta’ Maltin dilettanti tal-opra, li sa l-1976, kienu mċaħħdin jew ristretti fl-għażla.
| 1978 | Raina Kabaivanska; waħda mill-ikbar artisti li qatt dehru fl-Aurora, fit-tieni sena ta' opra - Manon Lescaut | |
| 07.01.1977 | Xena mill-ewwel opra f'Għawdex u fit-Teatru tal-Opra Aurora; Madama Butterfly |
Ismijiet distinti
L-esekuzzjoni tal-opra Madame Butterfly wasslet għal diversi suċċessi oħrajn fil-qasam operistiku, proprju ġewwa dan it-teatru. Diversi surmastrijiet diretturi ta' kalibru, bħalma huma t-Taljani Alberto Leone u Giovanni Venere, il-Malti Joseph Sammut u l-Għawdxin, Joseph Vella u sa mill-1994, Colin Attard, iddiriġew il-produzzjoni mużikali tal-opra. Dan it-teatru jista’ jiftaħar ukoll b’lista twila ta’ ismijiet prestiġjużi ta’ fama mondjali li lkoll iddebuttaw fuq il-palk tiegħu. Dawn huma ftit minn dawk li l-pubbliku Għawdxi u Malti kellu x-xorti jara bis-saħħa tat-Teatru Aurora: Eva Marton, Raina Kabaivanska, Milena dal Piva, Rita Lantieri, Maria Pia Jonata u Paola Romanò (soprani), Gloria Scalchi, Sylvie Brunet u Katia Angeloni (mezzo-soprani), Nicola Martinucci, Salvatore Fisichella, Gianfranco Cecchele, Benito Maresca, Luciano Saldari, Vincenzo Bello (tenuri), Giuseppe Scandola, Franco Giovane, Marzio Giossi u Luigi de Corato (baritoni) u Mario Luperi u Ivan Tomasev (baxxi). B’dawn l-ismijiet, it-Teatru Aurora bħal teatri oħra rinomati madwar id-dinja, tassew għandu biex jiftaħar; b’dawn l-ismijiet, it-Teatru Aurora jingħaqad ma’ oħrajn fid-dinja biex juri li għandu ġew artisti internazzjonali wkoll; b’dawn l-ismijiet ukoll, it-Teatru Aurora jkompli tiela’ fuq pedestall għalih, fil-gżejjer Maltin.
| 1983 | 25 Sena mit-Tmexxija ta' Mro Joseph Sammut | 09.10.1998 | Malta International Song Festival | 31.03.2006 | Marco Masini; Giardino Delle Api Tour | 01.04.2006 | Marco Masini; Giardino Delle Api Tour |
Opra u spettakli
It-teatru tagħna, Aurora, ma rax biss kantanti kbar tal-opra. Personalitajiet ta' fama mondjali, fil-qasam teatrali u mużikali, ħallew ukoll isimhom bil-produzzjoni tagħhom f'dan it-teatru. Fost dawn insemmu lil Stefania Rotolo, Pupo, Bary Mason, Katrina u Paolo Vallesi u Marco Masini.
| 1999 | Aida | 2000 | Carmen | 2001 | Ernani | 2002 | Turandot - Eva Marton |
| 2002 | Turandot - Nicola Martinucci | 2003 | Il Barbiere di Siviglia | 2004 | Nabucco | 2005 | Fedora |
Għeluq
Fuq disinn u dekorazzjoni tal-Professur il-Kav. Envin Cremona, it-Teatru tal-Opra Aurora jesa' xejn inqas minn 1,600 ruħ, għandu akwistika perfetta u orchestra pit ta' daqs pjuttost kbir. Dawn l-elementi flimkien ma’ oħrajn, jagħmlu dan il-ġojjel bħala l-isbaħ u l-akbar Teatru tal-Opra fil-gżejjer Maltin. Għalkemm dan it-teatru huwa mantenut minn membri volontarji, ix-xogħol ta' dawn il-persuni qed iħalli riżultati professjonali.
Ħajr: Louis Xuereb, eks-President tal-Banda | Ritratti: Arkivji Soċ. Fil. Leone A.D.1863


