Up   |   Back
L-Ewwel Banda Għawdxija

 
L-irċevuta għall-ħlas tas-servizzi li l-baned fundaturi tal-'Leone' taw fil-festi ta' l-Għarb fl-1865 bil-firem ta' Dirjanu Lanzon u Ġorġ Tabone
 

Fundaturi | 1820 –
Il-Banda Ċittadina Leone tirrikonoxxi bħala fundaturi tagħha lil Ġorġ Tabone (tw. 1841) magħruf bħala “Il-Binu” u Dirjanu Lanzon (tw. 1820). Fil-fatt, fil-bidu nett, il-banda Leone kienet magħrufa bħala “Tal-Binu u ta’ Dirjanu”.


Żewġ baned | 1863
Dokumenti fl-arkivji tas-Soċjetà Filarmonika Leone juruna li fl-1863, Għawdex kellu biss żewġ baned; waħda magħrufa bħala “Tal-Binu” u l-oħra bħala “Ta’ Dirjanu”; it-tnejn magħrufa bl-ismijiet tal-fundaturi rispettivi tagħhom. Fl-1864, meta Għawdex inqata’ mid-Djoċesi ta’ Malta bħala djoċesi għalih, kienu ż-żewġ baned li pparteċipaw fil-festi ta’ l-okkażjoni. Dawn iż-żewġ baned, nerġgħu nsibuhom jieħdu sehem fil-festi tal-ingress tal-ewwel Isqof fil-Matriċi ta’ Għawdex, li eventwalment ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Katidral mat-twaqqif tad-Djoċesi.

L-għaqda tal-baned | 1872
Fl-1872, iż-żewġ baned ingħaqdu f’dik li kellha tkun l-unika banda f’Għawdex sa l-1881. Il-banda ma kellhiex isem uffiċjali għax kienet waħedha. Imma fl-1880 qam moviment biex titwaqqaf banda ġdida. Għalhekk, fis-27 ta’ Mejju 1880, is-Surmast Akilli Lanzon u l-bandisti, minn jeddhom għamlu kuntratt għand in-Nutar Aloisio Calleja Pace li bih intrabtu biex għal tmien snin ma jkunux jistgħu imorru ma’ baned oħra taħt penalità ta’ tmien liri sterlini. Disa’ xhur wara, fis-6 ta’ Frar 1881, il-Banda ħadet l-isem uffiċjali tagħha b’Att Notarili ieħor għand in-Nutar Carmelo Gauci; l-isem magħżul kien ‘Il Leone’.

Dokument Importanti | Nota: 1865
Nota importanti li ma nistgħux ma nsemmux hija l-irċevuta li hemm fl-arkivji tal-Bażilika Kolleġġjata tal-Għarb. Din hija rċevuta ta’ ħlas lil dawn iż-żewġ baned tas-sehem tagħhom fil-festa titulari tal-Viżitazzjoni fis-sena 1865. Kopji ta’ din l-irċevuta ġew irregalati lill-President tas-Soċjeta’ Filarmonika Leone f’ċeremonja kommemorattiva f’Lulju 2005 f’għeluq il-140 sena ta’ servizz mill-Banda Leone fil-festa titulari tal-Viżitazzjoni fl-Għarb.

 
 
Mro Giovanni Giumarra; wieħed mill-ikbar diretturi tal-Banda Leone
Sehem fil-festi tar-Rabat | 1880-
Fil-bidu tagħha, il-Banda ‘Il Leone’ kienet tieħu sehem waħedha fil-festi kollha ta’ Għawdex u wara ħadet sehem ukoll fl-aktar ġrajjiet soċjali u reliġjużi importanti ta’ dak iż-żmien. Fost dawn insemmu l-Programm Mużikali fi Pjazza San Franġisk (Victoria) fl-okkażjoni tal-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-1897, il-festa ta’ San Ġorġ (Victoria) fl-1880 u l-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova mill-ġdid fi Pjazza San Franġisk (Victoria) fl-istess sena, kif ukoll il-festa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema fl-1884.

Tmexxija

Il-Banda Leone bir-raġun tiftaħar b’ismijiet rispettati li mexxewha sa mit-twaqqif tagħha bħalma kien l-ewwel President Isidoro Xuereb u l-lista ta’ surmastrijiet magħrufa li kellhom f’idejhom id-direzzjoni mużikali tal-banda. Isem wieħed li żgur ma nistgħux inħallu barra f’dan ir-rigward huwa Mro Giovanni Giumarra, surmast u kompożitur Taljan li jibqa’ magħruf mad-dilettanti tal-baned, kemm Maltin u kemm Għawdxin, għall-premjijiet li kiseb bid-diversi kompożizzjonijiet tiegħu, kompożizzjonijiet, li ħafna minnhom jinsabu fl-arkivji mużikali tas-Soċjetà Filarmonika Leone. Żgur li d-dilettanti tal-baned, anki fil-gżira ta’ Malta jafu min kien u x’kien is-surmast Giumarra, u jafu wkoll x’valur għandhom il-kompożizzjonijiet tiegħu. Dan is-surmast, li, indubjament, kien wieħed mill-aqwa surmastrijiet li qatt kien hawn fl-istorja tal-Baned Maltin, ħalla teżori imprezzabbli ta’ mużika sagra, mużika għall-kunċerti u marċi funebri li huma miżmuma bl-ikbar għożża u preġju fl-arkivji mużikali tal-Banda Leone.

Servizzi straordinarji importanti | 1887-
Fl-1887, ‘Il Leone’ ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-festi ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta. F’din l-okkażjoni, il-Banda Leone għamlet żewġ Programmi Mużikali taħt il-bakketta ta’ Mro Anton Buhagiar; wieħed, fid-9 u l-ieħor fl-10 ta’ Frar. Din l-okkażjoni saħħet ir-relazzjoni speċjali li teżisti bejn il-Banda Leone u l-Banda La Vallette li torganizza dawn l-imsemmija festi ta’ San Pawl. Fl-istess sena, kien qed jiġi ċċelebrat il-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Victoria u l-Banda Leone, għal darba oħra, ġiet mistiedna tieħu sehem importanti f’dawn il-festi. Fl-1888, il-Banda Leone tat wirja oħra stupenda b’marċ u programm mużikali f’festi speċjali ad unur il-Papa Ljun XIII (13); il-Papa Ljun il-Kbir.


L-istatwa ta' Santa Marija li llum tinsab fil-Katidral, fuq il-pedestall tagħha fi Pjazza t-Tokk
Mro Orlando Crescimanno - eks-surmast tal-Banda Leone u kompożitur ta' l-Innu l-Kbir 'Per La Festa di Maria Assunta in Cielo' (1913)
Prof. Ramiro Barbaro di San Giorgio - l-awtur tal-kantata 'Per La Festa di Maria Assunta in Cielo'
Santa Marija għall-qima tal-pubbliku bl-għotjiet tad-devozzjoni quddiemha fil-bieb tal-każin qabel l-ewwel purċissjoni tagħha lejn il-Katidral ta' Għawdex 29.04.1956

 

L-Affidament tal-Festi u l-Miġja tal-Istatwa - Snin Importanti | 1896-7
Fis-sena 1896 nerġgħu naraw lill-Banda Leone tieħu sehem fil-festa ta’ San Ġorġ (Victoria) iżda fis-sena ta’ wara, 1897, il-Kumitat tal-Banda Leone ngħata r-responsabbiltà u d-dritt esklussiv tal-organizzazzjoni tal-Festi esterni ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema. Kien għalhekk, li f’din is-sena nġabet mingħand Francesco Rosa & Co ta’ Ruma statwa l-ġmiel tagħha li tirrappreżenta l-Assunzjoni ta’ Marija fis-Sema. Minn dakinhar sal-1954, il-Banda Leone dejjem ġarret din l-istatwa f’dimostrazzjoni fit-13 t’Awissu fejn imbagħad kienet tittella’ fuq pedestall armat apposta fi Pjazza t-Tokk, illum Pjazza Indipendenza. Fl-1913, il-Banda Leone daqqet għall-ewwel darba l-kantata, magħrufa aħjar bħala “l-Innu l-Kbir” bl-isem ta’ “A Maria Assunta”. Din il-kantata hija kompożizzjoni tas-Surmast Orlando Crescimanno li kien imexxi l-banda f’dak iż-żmien waqt li l-kliem huwa tal-Professur Ramiro Barbaro di San Giorgio. Fl-1913, meta ndaqqet għall-ewwel darba, kienet ħadet post innu ieħor miktub minn Mro Vincenzo Carabott kompost fl-1900. Dan l-innu l-kbir kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu u nistgħu ngħidu li beda l-kultura tal-‘Innu l-Kbir’ fil-festi l-oħra f’Għawdex fejn imbagħad inkitbu diversi innijiet oħra ta’ din ix-xorta bil-kor tat-tfal, solisti, qniepen (tubular bells) eċċ. li lkoll jispikkaw f’din il-kantata.

 Santa Marija titlaq mill-Każin tal-Banda għall-aħħar darba
Santa Marija fi Pjazza t-Tokk quddiem il-Knisja ta' San Ġakbu
 Il-poplu Għawdxi jilqa' lil Sta Marija fi Pjazza Savina għat-tberik
L-ewwel purċissjoni 'l fuq matul it-Telgħa tal-Belt

 

L-Għoti tal-Istatwa lill-Katidral t’Għawdex | 1956-
L-1956 hija sena oħra tad-deheb fl-istorja tal-Banda Leone. Hija l-ewwel sena meta l-Banda akkumpanjat il-purċissjoni ta’ Santa Marija bl-istatwa li tinsab meqjuma fil-Katidral ta’ Għawdex. Din l-istatwa artistika u devota kienet ġiet irregalata lill-Katidral ta’ Għawdex mill-istess Soċjetà Filarmonika Leone fid-29 t’April tal-istess sena. Hija din l-istess statwa li s-Soċjetà Filarmonika Leone kienet ġabet minn Ruma meta ħadet f’idejha d-dritt esklussiv tal-organizzazzjoni tal-festi esterni ta’ Santa Marija mingħand l-Isqof Giovanni Maria Camilleri. Minn dakinhar ’il quddiem, is-Soċjetà Filarmonika Leone intrabtet bis-sħiħ, id f’id mal-Parroċċa li tiffunzjona mill-Knisja Katidrali u t-tnejn li huma taw qawmien ġdid lil xulxin.

Santa Marija tielgħa lejn iċ-Ċittadella
L-istatwa tixref għall-ewwel darba fil-wesgħa tas-swar taċ-Ċittadella
Il-kleru u l-ordnijiet reliġjużi mal-poplu Għawdxi għad-dħul ta' Sta Marija fil-Katidral
Santa Marija għall-ewwel darba fil-bieb tal-Katidral - 29 t'April, 1956

 
Il-Każin tal-Banda Leone | Triq ir-Repubblika, Victoria
 
 
Dr Anton Buttigieg jiftaħ uffiċjalment il-Każin tal-Banda Leone fi Triq ir-Repubblika; is-sede preżenti tas-Soċjetà u l-Banda Leone.
 


Is-sede tas-soċjetà | -1976
Matul iż-żminijiet, il-banda biddlet diversi postijiet mnejn kienet titmexxa. Fil-bidu nett, il-kunċerti preparatorji kienu jsiru fir-residenzi privati tal-fundaturi fi Pjazza Sabina (Victoria).Fl-1881, inkriet dar fi “Strada Għammiesa”, illum Triq Mons Luigi Vella għal dan l-iskop. Fl-1885, is-Soċjetà mxiet lejn “Strada Garbo” (Triq l-Għarb) li llum jisimha Triq Sant’Ursola. Aktar tard imbagħad, naraw lill-Banda Leone bis-sede tagħha fi Pjazza t-Tokk, illum Pjazza Indipendenza. Dan kien fl-1891. Iżda fl-1901, il-każin tal-Banda Leone reġa’ mexa lejn Pjazza Savina u aktar tard fl-1908 f’dar kbira li kienet darba, ir-residenza privata tal-Arċipriet tal-Matriċi t’Għawdex, Saver Cassar. Parti minn din id-dar twaqqgħet u ġiet konvertita f’teatru, “The Royal Theatre” li kien immexxi mis-Soċjetà Filarmonika Leone stess. Fl-1963, il-kumpless ġie rrinovat bl-isem mibdul għal ‘Teatru Aurora’. Dan kien il-Każin Uffiċjali tal-Banda Leone meta l-Banda kienet qed tiċċelebra għeluq il-mitt sena mit-twaqqif tagħha, 1863-1963. Fl-1971, is-Soċjetà akkwistat dar kbira fi Triq ir-Repubblika, dak iż-żmien Triq it-Tiġrija. Dan il-palazz ġiet konvertit f’każin spazjuż fuq disinn u ornament tal-Prof. Kav. Emvin Cremona, wieħed fost l-aktar artisti rinomati ta’ dak iż-żmien. It-teatru mexa mal-każin minn Triq l-Arċipriet Saver Cassar għal Triq it-Tiġrija bl-istess isem – Teatru Aurora. Kien inawgurat f’Ottubru tal-1976 b'kunċert sinfoniku kbir mill-Banda Ċittadina Leone. L-ewwel opra lirika li fetħet is-siparju operistiku f’Għawdex kienet Madame Butterfly ta’ G. Puccini f’Jannar tal-1977.

 

 
 
1993 | Il-Banda Leone mal-Q.T. Ġwanni Pawlu II | Vatikan

Barra minn xtutna | 1971-
Fl-1971, il-Banda Leone ġiet mistiedna tieħu sehem fil-festi ta’ Lingua Grossa fi Sqallija u sentejn wara, fl-1973, saret l-ewwel banda Għawdxija li daqqet fl-Italja jiġifieri ’l fuq minn Sqallija. Minn dakinhar ’il quddiem, il-banda u s-Soċjetà qatt ma ħarsu lura biex b’hekk mal-lista twila u sabiħa ta’ bliet Ewropej u pajjiżi oħra li fihom iddebuttat il-Banda Leone, insibu wkoll il-belt eterna tal-Vatikan. Sal-lum, il-Banda Leone għadha mhux biss l-ewwel iżda wkoll l-unika banda Għawdxija li daqqet fil-Vatikan; u dan, f’udjenza privata mal-Q.T. il-mibki Papa Ġwanni Pawlu II.

 

Għeluq
Il-Banda Leone ċertament għandha biex tkun kburija b’dak li rnexxielha tikseb fil-passat. Fil-140 sena u aktar, li ilha mwaqqfa, il-banda u s-Soċjetà Leone, għaddiet minn bidla kontinwa; proċess ta’ żvilupp sħiħ. Kienet l-ewwel banda Għawdxija; rat oħrajn jinbtu minnha u magħha; f’kull pass li għamlet, dejjem kienet l-ewwel biex wittiet it-triq u tat l-eżempju għal oħrajn li segwew il-pass għaqli tagħha. Il-Banda tal-Ljun, kif inhi magħrufa komunament fost l-Għawdxin, dejjem immirat fil-għoli, ħadmet bis-sħiħ u waslet dejjem fejn xtaqet. Xejn ma jista’ jfisser dan l-ispirtu aħjar mill-istess innu tal-Banda ‘Il Leone’ magħruf aħjar mill-partitarji bħala ‘l-Isfida’. L-apprezzament tal-Iljuni tal-lum lil dawk li mexxew b’għaqal lis-Soċjetà għażiża tagħhom għall-glorja li tgawdi llum, m’hu xejn ħlief garanzija li se nkomplu mexjin l-istess.

 


Ritratti: Mill-Arkivji tas-Soċjetà Filarmonika Leone
 

 

Developed by ICT Systems Engineering