L-Aurora Youth Movement, kif nafuh illum, twaqqaf fl-1972 mis-sur Anton Farrugia bl-għan li jkompli jiġbed aktar żgħażagħ lejn is-Soċjeta` Filarmonika Leone u jedukahom mil-lat akkademiku u mil-lat kulturali u mużikali. Huwa kontinwazzjoni ta' diversi organi oħra preċedenti li minn żmien għal żmien is-Soċjetà Leone kienet tifforma speċifikament indirizzati għaż-żgħażagħ. Il-moviment huwa responsabbli minn kull tip ta’ ħidma li tinvolvi ż-żgħażagħ li taqa’ taħt l-awspiċi tas-Soċjeta` Leone. Il-kumitat elett minn fost iż-żgħażagħ b’rappreżentanza fil-kumitat ċentrali, jikkoordina l-ħidma tad-diversi friegħi fejn l-element żagħżugħ huwa prominenti u jkompli joħloq aktar attivitajiet li jgħaqqdu aktar żgħażagħ u bl-istess għan ġenerali tas-Soċjeta`, li jkompli jkabbar il-festi ta’ Santa Marija.
Preżentament il-kumitat jikkonsisti jiġbor fih 15–il membru, fosthom rappreżentanti mill-grupp folkloristiku, mis-sezzjoni tal-briju, u mill-għaqda tal-armar. Il-President attwali maħtur fil-kariga mill-kumitat ċentrali huwa n-Nutar Mario Calleja.

