Il-Parroċċa tilqa’ b’ferħ lill-Arċipriet Mons. Joseph Sultana

Għada, l-Pussess ta’ Mons. Joseph Sultana
14. 01. 2017
Issieħeb membru: 2017
20. 01. 2017
 

Ilbieraħ, il-Ħadd 15 ta’ Jannar 2017, il-Parroċċa tal-Katidral iċċelebrat il-pussess tal-Arċipriet Mons. Joseph Sultana.

Minkejja t-temp instabbli li ħakem il-gżejjer, il-parruċċani, bi ħġarhom, reġgħu laqgħu lil Mons. Sultana fil-komunità parrokkjali, wara sitt snin iservi bħala Arċipriet tal-Bażilika Kolleġġjata Insinji u Santwarju tal-Għarb, iddedikat lill-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta. Iċ-ċelebazzjoni bdiet biż-żjara ta’ Mons. Sultana ġewwa l-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, fejn flimkien mal-Kapitlu ta’ din il-Bażilika sar it-tifħir ta’ sbiħ il-jum. Minn hemm, l-Arċipriet Sultana rikeb il-karozza li ħaditu lejn ir-Rabat. Il-karozza li wasslitu kienet propju l-istess karozza ta’ missieru, li kemm il-darba kien isuq hu stess. 

“Minkejja t-temp instabbli li ħakem il-gżejjer, il-parruċċani, bi ħġarhom, reġgħu laqgħu lil Mons. Sultana fil-komunità parrokkjali.”

L-ewwel żjara ta’ Mons. Sultana fir-Rabat kienet propju il-Każin tal-Banda Leone, fejn, fi ftit xita, ġie milqugħ mill-President tas-Soċjetà Filarmonika Leone, Dr. Michael Caruana, u l-membri tal-kumitat tal-istess Soċjetà. L-Arċipriet Mons. Sultana tela’ fis-sala Mons. Ġużeppi Pace fejn ingħata merħba sabiħa u ngħata l-awguri mill-membri tal-kumitat. Hemm Mons. Sultana iffirma l-ktieb tal-viżitaturi tas-Soċjetà Leone. L-Arċipriet Mons. Sultana kien fil-kumpanija tal-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Marija Bambina tax-Xagħra, Mons. Carmelo Refalo, kif ukoll il-familjari tiegħu. Kien mument sabiħ fejn, qabel il-pussess tiegħu, l-Arċipriet Mons. Sultana u l-membri ta’ kumitat setgħu jitkellmu, hekk kif kien hemm ftit aktar ħin fl-iskeda għaliex il-korteo minn quddiem il-Każin tal-Banda Leone lejn il-Katidral tħassar aktar kmieni filgħodu minħabba l-instabbiltà tat-temp.

Flok il-korteo, Mons. Sultana iddeċieda li jżur lill-Arċidjaknu Mons. Giovanni Bosco Gauci ġewwa r-residenza tiegħu, hekk kif minħabba saħħa, ma setax jattendi għaċ-ċelebrazzjoni tal-pussess. Hekk kif Mons. Sultana wasal il-Katidral, huwa kien milqugħ mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech, flimkien mal-Kapitlu Katidral fil-bieb tal-Katidral. Hemm libes l-istola ta’ Arċipriet u daħal fil-Katidral, fejn sab lill-miġemgħa sabieħa ta’ parruċċjani li laqgħu bil-kant tal-innu Tu es Sacerdos. L-Arċipriet Mons. Sultana, flimkien mal-E.T. Mons. Isqof, żaru l-Kappella tas-Sagrament, fejn flimkien inġabru għall-mument ta’ talb. Wara, Mons. Sultana ingħata merħba minn Darren Vella, b’diskors f’isem il-komunità parrokkjali, u minn Ġanninu Cremona, bil-qari ta’ poeżija f’jum il-pussess tiegħu.

Wara ingħatat bidu għaċ-ċelebrazzjoni solenni, fejn fil-bidu nqara d-digriet tal-Kurja mill-Kanċillier djoċesan, datat l-4 ta’ Novembru 2016. Wara, Mons. Sultana għamel l-istqarrija tal-fidi, ġie ppreżentat l-muftieħ tal-Katidral, mar ħdejn il-fonti tal-magħmudija, fejn hemm raxx l-ilma mbierek fuq il-miogħema u qara l-vanġelu. Fl-omelija spikka l-messaġġ tal-E.T. Mons. Isqof Mario Grech fejn stqarr li l-ħidma ta’ Arċipriet mhix faċli, għaliex il-piż tal-arċipretura, speċjalment dik l-arċipretura t’omm il-knejjes, dik tal-Katidral, jross fuq il-fertilità tagħha sabiex mill-knisja, mill-omm, joħorġu bnedmin imgħammdin u aktar importanti spiritwali.

“[Mons. Sultana] rringrazzja lill-Mons. Ġużeppi Attard tal-ħidma tiegħu f’dawn id-disa’ snin li serva bħala Arċipriet tal-parroċċa tal-Katidral.”

Min hemm, l-Arċipriet Mons. Sultana żar is-sedja tal-kapitlu, żar lill-Kappella tas-Sagrament, il-Konfessjonarju fejn ġie mlibbes stola vjola u daqq tal-qampiena l-kbira mill-korsija tal-knisja Katidrali. Lejn l-aħħar taċ-ċelebrazzjoni, il-President tas-Soċjetà Filarmonika Leone Dr. Michael Caruana ppreżenta inkwadru lill-Arċipriet Mons. Sultana b’ritratt tal-istatwa ta’ Santa Marija fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, lura fl-2006, meta l-istatwa devota tal-Assunta, għall-unika darba li ħarġet mir-Rabat, marret fix-Xagħra, l-istess raħal li tiegħu Mons. Sultana huwa wild. Wara, Mons. Sultana rringrazza lill-miġgħema preżenti, u lil bosta persuni oħrajn, fejn fosthom, f’isem il-komunità parrokkjali rringrazzja lill-Mons. Ġużeppi Attard tal-ħidma tiegħu f’dawn id-disa’ snin li serva bħala Arċipriet tal-parroċċa tal-Katidral. Mal-kant tal-innu Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa, l-Arċipriet Mons. Sultana, l-E.T. Mons. Isqof u Mons. Ġużeppi Attard żaru lill-istatwa ta’ Santa Marija, fejn Mons. Sultana ħalla bukkett fjuri f’dirgħin Santa Marija, mument li emozzjona ferm lill-miġgħema preżenti. Iċ-ċelebrazzjoni intemmet bil-kant tal-antifona Hodie Maria Virgo. Wara kien hemm festin għall-mistednin u l-miġgħema fl-Annex tal-Katidral.
 
[Not a valid template]