Nhar is-Sibt 2 t’April 2022, wara stennija ta’ aktar minn sentejn mill-ewwel posponiment taż-żjara Apostolika u Statali, Malta, u b’mod partikolari Għawdex, kellhom il-grazzja singulari li jilqgħu fosthom lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.
Jorge Maria Bergoglio, elett bħala Papa bl-isem ta’ Franġisku fl-2013, wasal Malta filgħodu u minnufih iltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, immexxija mill-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Vella fil-Palazz tal-Belt Valletta. Waranofsinhar, imbagħad, il-programm taż-żjara tiegħu kien jara traġitt bil-katamaran mill-Port il-Kbir ta’ Malta, lejn Għawdex.
Għal din l-okkażjoni, Għawdex kollu resaq ’il quddiem b’ħeġġa liema bħalha sabiex jagħti merħba, jiltaqa’ u jisma’ lill-Papa Franġisku, is-suċċessur ta’ San Pietru. Mhux b’inqas is-Soċjetà Filarmonika Leone, li minn quddiem il-każin tagħha, il-Papa Franġisku kellu jgħaddi darbtejn, riekeb fil-vettura miftuħa tiegħu, magħrufa bħala Pope Mobil.
Filgħodu, il-membri tal-Għaqda Armar Santa Marija tellgħu l-bandalori fil-parti t’isfel ta’ Triq ir-Repubblika, quddiem il-każin. Dawn kienu s-sett ta’ bandalori bil-pitturi tal-profeti, flimkien ma’ Sant’Anna u San Ġwakkin, ta’ Pawlu Camilleri Cauchi, li kienu jintramaw fi Pjazza Indipendenza fi żmien il-festa.
Sadanittant, mal-faċċata tal-każin twaħħlet it-tabella b’ritratt tal-Papa Franġisku nnifsu jħares u jbierek xbieha tal-istatwa ta’ Santa Marija li kienet ippreżentata lilu mill-artist Manwel Grech, mill-Għaqda Armar Santa Marija, meta f’Diċembru tal-2016, huwa ddisinja u ħadem il-presepju li l-Istat Malti għamel għall-Vatikan fi Pjazza San Pietru. Filfatt, dan il-poster ġibed anki l-attenzjoni ta’ Franġisku nnifsu huwa u għaddej it-tieni darba minn quddiem il-każin tagħna wara l-funzjoni mill-isbaħ li seħħet fil-pjazza tas-santwarju ta’ Pinu.
Intant, il-Papa wasal bil-katamaran fl-Imġarr ftit wara l-5pm u minn hemm tela’ lejn ir-Rabat fil-karozza bajda magħluqa skortat mill-korpi tas-sigurtà. Fi Triq Fortunato Mizzi, ’l isfel mill-iskejjel sekondarji, Franġisku rikeb il-Pope Mobil li kienet qiegħda tistennih u minn hemm, akkumpanjat mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma, tela’ ’l fuq qalb il-folol li nġabru fuq il-bankini jistennewh biex jarawh.
Folla kbira nġabret quddiem il-każin tal-Banda Leone fosthom membri u bandisti tal-Banda Ċittadina Leone. Għal din l-okkażjoni nħarġet ukoll l-istatwa ta’ Santa Marija li matul is-sena tkun meqjuma fil-każin stess. Hemmhekk il-Papa Franġisku kien milqugħ ukoll mit-tfal tal-Aurora Youth Choir li mill-gallerija tal-każin kanta t-tislima ta’ San Ġorġ Preca:
Salve Papa Noster // Is-Sliem, Papa tagħna
Salve Petra Fidei // Is-Sliem, blata tal-fidi
Salve Coeli Janitor // Is-Sliem, ħarries tal-bieb tal-ġenna
Et Dominus Sit Tecum // Il-Mulej ikun miegħek
Merħba bik Papa Franġisku
Merħba Papa, f’Għawdex tagħna
Merħba Appostlu kbir tal-ħniena
Int f’qalbna tibqa’ magħna.
Minn hemm, il-Papa Franġisku baqa’ sejjer lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fejn beda bi żjara lill-Madonna u t-talba tat-tliet Ave Marijiet, iltaqa’ mal-persuni vulnerabbli u morda fis-Santwarju u mbagħad mexxa mument ta’ talb mill-aktar kommoventi u profond fil-pjazza.
Lura lejn l-Imġarr, il-Papa reġa’ ħareġ mill-Għarb u għadda għat-tieni darba minn quddiem il-każin tagħna fuq il-Pope Mobil sakemm rikeb il-karozza l-magħluqa fi Triq Fortunato Mizzi u kompla bi triqtu lejn Malta fejn għadda l-lejl fin-Nunzjatura Apostolika fir-Rabat.
Kienet żjara qasira imma żjara b’ħafna sinjifikat u ħafna valur sentimentali għal poplu li jgħodd lilu nnifsu parti mill-Knisja Kattolika u qrib ħafna tal-missier tagħna l-Papa.